Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Ħatra ta’ żewġ Imħallfin ġodda

Il-President ta’ Malta tgħarraf li:

Wara li fis-17 ta’ Lulju 2026 saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Dr Clifton Grima ​għall-ħatra ta’ żewġ imħallfin ġodda, li l-applikazzjonijiet għaliha kienu jagħlqu fis-7 ta’ Awwissu 2026, fis-7 ta’ Settembru 2026 ingħatajt Rapport ai termini tal-Artikolu 96A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta datat ukoll 7 ta’ Settembru 2026, maħruġ mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta: dan wara żewġ laqgħat tal-istess Kumitat, waħda interna fejn ġie diskuss il-proċess intern ta’ implimentazzjoni u laqgħa oħra li saret nhar l-Erbgħa 2 ta’ Settembru 2026 fejn ġew intervistati u evalwati l-wieħed u għoxrin (21) persuna eleġibbli li ssottomettew espressjoni ta’ interess għal din il-ħatra.

Dan ir-Rapport poġġa għall-kunsiderazzjoni tiegħi l-ismijiet ta’ tliet kandidati li skont ir-rapport kienu l-aktar idonei għal din il-ħatra u minn dawn it-tliet ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta l-President ta’ Malta jagħżel wieħed.

It-tliet ismijiet imressqa f’ordni alfabetiku li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli għall-kariga ta’ mħallef kienu dawn:

  1. Maġistrat Leonard Caruana
  2. Maġistrat Elaine Rizzo, u
  3. Maġistrat Gabriella Vella.

Minn dawn it-tliet ismijiet jiena għażilt dak ta’ Leonard Caruana.

Fis-17 ta’ Settembru 2026 għarraft lill-Kumitat li l-għażla tiegħi skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) kienet ta’:

Maġistrat Leonard Caruana

Sussegwentament nhar it-22 ta’ Settembru 2026 is-Segretarju tal-Kumitat wassalli t-tieni Rapport dettaljat,  naxxenti wkoll dan ir-Rapport, mil-laqgħa tal-Kumitat tat-2 ta’ Settembru 2026, fejn saru l-intervisti individwali mal-kandidati, bl-ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta ta’ tliet kandidati li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli għall-kariga ta’ mħallef.

It-tliet ismijiet f’ordni alfabetiku kienu dawn:

  1. Maġistrat Jean Paul Grech
  2. Maġistrat Rizzo Elaine, u
  3. Maġistrat Gabriella Vella.

L-għażla tiegħi minn dawn it-tliet ismijiet skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta hija ta’:                            

Maġistrat Elaine Rizzo

Billi skont l-Artikolu 96 (1) tal-Kostituzzjoni l-Imħallfin tal-Qrati Superjuri jiġu maħtura mill-President li jaġixxi fuq rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat dwar Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilit bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni, il-President taħtar, f’ordni alfabetiku lis-segwenti persuni sabiex iservu ta’ mħallfin tal-Qrati Superjuri:

            Maġistrat  Leonard Caruana

            Maġistrat Elaine Rizzo

L-ismijiet tal-Kandidati li fl-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura kienu idonei u meritevoli u li tressqu għall-għażla tal-President bil-proċedura stabbilita mill-Artikolu 96 A (6) (d) u li skont l-istess Artikolu huwa mistenni li jiġu ppubblikati huma dawk li jidhru aktar ’il fuq f’din l-istqarrija.

B’dan ikun dikjarat illi l-ħatra ta’ żewġ imħallfin skont is-sejħa pubblika maħruġa mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, fis-17 ta’ Lulju 2026 ġiet sodisfatta u eżawrita.

Il-President tifraħ lill-Ġudikanti Mħallfin ġodda u tirringrazzja lill-membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol metikoluż li wettqu.

 

 

 

 

 

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.