Midja
Il-Ġimgħa filgħaxija, fil-Kastell Verdala, saret ċerimonja li ċċelebrat l-unur Europa Nostra 2026 Heritage Champions Award mogħti lil Din l-Art Helwa.
Ir-rikonoxximent ingħata mill-Kummissjoni Ewropea u Europa Nostra, li hi federazzjoni Ewropea li taħdem favur il-protezzjoni ta’ siti storiċi, monumenti u pajsaġġi fl-Ewropa.
Din l-Art Ħelwa kienet rikonoxxuta għal ħidma ta’ iktar minn 60 sena favur il-protezzjoni tal-wirt arkitettoniku u naturali ta’ pajjiżna, bi proġetti ta’ restawr kif ukoll bi proġetti ta’ edukazzjoni, promozzjoni u l-involviment tal-pubbliku.
Matul is-serata, li għaliha attendew uffiċjali ta’ Europa Nostra, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, faħħret il-ħidma ta’ Din l-Art Ħelwa, u aċċennat għar-rwol importanti li daħlet għalih din l-għaqda volontarja sa mindu twaqqfet fl-1965 mill-Imħallef Maurice Caruana Curran, immedjatament wara li pajjiżna ħa l-Indipendenza.
‘Lil hinn mill-proġetti li Din l-Art Ħelwa mexxiet, l-Eċċellenza Tagħha rrikonoxxiet il-fatt li Din l-Art Ħelwa rawmet kultura ta’ ġens li japprezza l-wirt storiku tiegħu, saħħet is-sens ċiviku fejn jidħol il-wirt, u qed tqajjem għarfien fost il-ġenerazzjonijiet iżgħar biex ikunu konxji tar-responsabbiltà li għandna lejn min jiġi warajna.





