Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tibda ż-żjarat fl-iskejjel bħala parti mill-Istrina BOV Piggy Bank Campaign 2026

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, bdiet sensiela ta’ żjarat fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex bħala parti mit-23 edizzjoni ta’ L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign.

L-ewwel tliet żjarat saru t-Tlieta filgħodu fl-Iskola Medja Erin Serracino Inglott tal-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla, fl-Iskola Primarja Santu Rokku tal-Kulleġġ Santa Margerita fil-Birgu, u fil-Kulleġġ St Edward’s fil-Birgu.

Il-President kienet akkumpanjata mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onorevoli Byron Camilleri, miċ-Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta u Deputat Chairperson tal-Fondazzjoni BOV, Ernest Agius u minn rappreżentanti tal-MCCF.

Fl-iskejjel il-President iltaqgħet mal-istudenti u l-edukaturi u wasslet messaġġ dwar l-importanza tas-solidarjetà lejn dawk li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli. Hija ħeġġet lill-istudenti sabiex, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kampanja, jagħrfu li anke kontribuzzjoni żgħira tista’ tkun parti minn sforz kollettiv li jagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Matul dawn iż-żjarat, il-President tkellmet mal-istudenti u wieġbet il-mistoqsijiet tagħhom dwar diversi suġġetti. Fost l-oħrajn, il-President fakkret lill-istudenti li, bħala l-mexxejja ta’ għada, pajjiżna għandu bżonn il-kontribut ta’ kull wieħed u waħda minnhom, mhux biss permezz tat-talenti u l-ħidma tagħhom, iżda wkoll billi jkunu lesti jagħtu appoġġ lil dawk li jkunu jeħtieġu l-għajnuna. 

Din is-sena, il-President se żżur 21 skola tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti madwar Malta u Għawdex, matul ix-xahar ta’ Ottubru. L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign, li ssir b’kollaborazzjoni bejn il-Malta Community Chest Fund u l-Bank of Valletta, ilha għal dawn l-aħħar 23 sena tagħti lill-istudenti l-opportunità li jkunu protagonisti f’ġest konkret ta’ solidarjetà.

Is-sena li għaddiet, l-istudenti li jattendu l-iskejjel madwar Malta u Għawdex ikkontribwixxew iktar minn €50,000 b’risq L-istrina, biex b’hekk inqabżet is-somma ta’ €3 miljun miġbura matul it-23 sena li ilha ssir L-istrina BOV Piggy Bank Campaign.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.