Ningħaqad magħkom għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum Għawdex, ċelebrazzjoni li tmur lil hinn mill-kommemorazzjoni tar-rebħa storika tal-Imblokk fuq il-Franċiżi.
Tmur lil hinn mill-fatt straordinarju li għal ftit żmien, il-gżira tat-tlett għoljiet iggvernat lilha nnifisha b’mod awtonomu minn Malta taħt il-protezzjoni tar-Renju taż-Żewġ Sqallijiet.
L-avvenimenti illi nfakkru fit-tmienja u għoxrin (28) t’Ottubru jfakkruna fuq kollox dwar l-ispirtu reżiljenti u indipendenti tal-Għawdxin li b’mod kollettiv, iġġieldu biex Għawdex jerġa’ lura f’idejhom.
Dan l-ispirtu reżiljenti u indipendenti ma’ tfaċċax mix-xejn waqt l-avveniment tal-Imblokk tal-Franċiżi. Kien ilu hemm.
Dan l-ispirtu kien jinsab fil-qalba ta’ komunità li tul is-sekli kienet imġiegħla taffaċċja l-iżolament, l-invażjonijiet, it-telfien, il-faqar u l-emigrazzjoni, iżda li quddiem kull sfida reġgħet sabet fiha nfisha s-saħħa sabiex tqum, tibni mill-ġdid u tkompli miexja ’l quddiem.
Dawn l-istanzi ffurmaw u bnew il-karattru uniku li jiddefinixxi l-poplu Għawdxi.
Dak li ġara fl-Imblokk, wisq probabbli, kien wieħed mill-aktar ġrajjiet importanti għall-poplu Għawdxi, li ssagrifika xogħlu, bata’ l-ġuħ, u tilef lil niesu, u fil-mument tal-verità, ingħaqad wara l-Arċipriet Saver Cassar u l-grupp ta’ Għawdxin qalbiena.
Fosthom insibu lit-Tabib Saver Fenech, lill-Avukat Ġużeppi Grima u lill-Avukat Franġisk Pace, flimkien ma’ ħafna oħrajn li isimhom jaf ma niżilx fil-paġni tal-istorja bl-istess enfasi, iżda li s-sehem tagħhom kien daqstant meħtieġ.
Dawn kienu nies li ma setgħux jibqgħu indifferenti quddiem il-ħerba ta’ gżirithom.
Minkejja li l-Imblokk kien essenzjalment espressjoni patrijottika biex tiġi difiża l-gżira Għawdxija, irrifletta wkoll il-ħsieb komuni muri minn ħutna l-Maltin fil-gżira Maltija, meta ftit tal-ġimgħat qabel l-avvenimenti tat-28 t’Ottubru, huma wkoll irvellaw kontra l-Franċiżi.
Għalhekk, it-28 t’Ottubru tibqa’ ġurnata li tfakkar lill-Għawdex, lil ġrajjietha u fuq kollox, lil niesha.
Id-dinamika fuq il-gżira Għawdxija nbidlet tul is-snin. Hekk kif il-gżira esperjenzat bidla radikali fid-demografija aktar minn darba — insemmi biss l-Assedju t’Għawdex fl-1551, fejn tħallew biss ftit abitanti fuq il-gżira, u l-eżodu ta’ migrazzjoni fil-ħamsinijiet tas-seklu li għadda — żewġ avvenimenti li ħallew impatt devastanti f’Għawdex, Għawdex wera reżiljenza f’kull mument tal-prova u rriġenera lilu nnifsu.
Illum, il-kuntest huwa differenti. It-taqbida tal-llum ħadet dimensjoni totalment differenti, u t-theddid fuq is-salvagwardjar ta’ Għawdex ġej minn angoli differenti, li jmorru lil hinn mill-attakk tal-għadu bil-baħar jew bl-ajru.
Illum, Għawdex qed jaffaċċja sfidi ġodda u moderni. Hekk kif Malta għamlet qabżiet kbar u ta’ kwalità fl-oqsma finanzjarji u ekonomiċi tagħha, Għawdex gawda wkoll minn dan il-ġid u rajna kif trasforma ruħu fi gżira vibranti u mimlija ħajja s-sena kollha.
Minnu nnifsu, dan huwa l-lat pożittiv li jġib miegħu l-progress.
Iżda bħala komunità li tgħix ir-realtà ta’ insularità doppja, mifruda minn Malta minn feles baħar, irridu nagħrfu li l-bżonnijiet ta’ Għawdex, għalkemm f’ħafna aspetti simili għal dawk tal-gżira Maltija, għandhom ukoll karatteristiċi distinti. Għalhekk, irridu nistaqsu b’mod ċar x’tip ta’ progress verament irridu għal Għawdex.
Għal Għawdex, il-progress ma jistax ifisser biss rata ta’ tkabbir ekonomiku dejjem tiela, kostruzzjoni kontinwa jew ammonti rekord ta’ turisti li jżuru Għawdex.
Il-kejl veru tal-progress f’Għawdex għandu jitkejjel bil-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fuq il-gżira.
L-isfidi għall-progress kwalitattiv f’Għawdex huma l-abbiltà li l-gżira tiġġenera xogħlijiet ta’ kwalità li jżommu l-aqwa mħuħ tal-gżira f’Għawdex stess, u li joffrulhom l-opportunità li jibnu ħajjithom u l-karriera tagħhom hawnhekk minflok f’Malta jew barra minn Malta.
Apparti dan, it-theddid kontinwu fuq iż-żoni protetti, żoni ta’ wirt storiku u kulturali u anke fuq l-ambjent ikompli jżid ir-riskju li mhux biss nitilfu l-kampanja u ż-żoni miftuħa ħodor f’Għawdex, iżda li nitilfu parti integrali mill-identità Għawdxija.
Dan għaliex l-esperjenza unika li joffri Għawdex tinsab fl-awtentiċità tiegħu li joffri elementi differenti minn dawk li toffri l-gżira Maltija.
Jekk din l-awtentiċità tiġi mhedda u biż-żmien tintilef, Għawdex isir biss estensjoni ta’ Malta.
Għalhekk, hemm bżonn viżjoni wiesgħa u fit-tul: waħda li tinkorpora fiha il-promozzjoni ta’ enerġija nadifa, li żżomm bilanċ bejn l-iżvilupp u n-natura, u li tħeġġeġ mobbiltà sostenibbli u tgħolli l-livell tal-kwalità, filwaqt li tibqa’ tagħraf l-importanza tal-konnettività għall-ħajja ta’ kuljum tal-Għawdxin u għall-ekonomija tal-gżira.
Iżda viżjoni bħal din għal Għawdex ma tista’ qatt tinbena biss permezz tal-policies, tal-ippjanar jew tal-istrateġiji biss jekk ma jkunx hemm inkluż fihom l-Għawdxin stess.
Għawdxin li bil-ħidma, bit-talenti u bl-impenn tagħhom lejn il-komunità, jagħtu kontribut konkret biex Għawdex jibqa’ jħares ’il quddiem mingħajr ma jitlef dak li jagħmlu distint.
Sinjuri,
Għawdex jibqa’ wieħed mill-aktar riżorsi importanti tal-arċipelagu tagħna, u l-istorja tiegħu għadha qed tinkiteb jum wara jum.
Is-snin li ġejjin ser ikunu ta’ importanza kbira għal Għawdex hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu, il-Belt Victoria u Għawdex ġew magħżula unanimament mill-ġurija ta’ esperti indipendenti biex jassumu t-titlu ta’ Belt Kapitali Kulturali għall-elfejn u wieħed u tletin (2031).
Din id-deċiżjoni titfa’ responsabbiltà kollettiva fuqna lkoll, hekk kif Għawdex ser iservi ta’ vetrina kulturali għall-kumplament tal-kontinent Ewropew.
Il-Belt Victoria, ir-Rabat Għawdex għandhom storja rikka x’jirrakontaw, u permezz tat-titlu ta’ Belt Kapitali tal-Kultura Ewropea, huma ser ikollhom iċ-ċans li jaqsmuha ma’ oħrajn.
Id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu u li ser jittieħdu fis-snin li ġejjin huma kruċjali biex titkompla l-ħidma u tiġi salvagwardjata u protetta l-identità unika t’Għawdex.
U huwa propju għalhekk li ċ-ċelebrazzjoni tal-lum għandha wkoll dimensjoni oħra importanti.
Jum Għawdex jagħtina l-opportunità mhux biss li nfakkru lil dawk li kitbu paġni importanti fl-istorja tal-gżira, bħall-Aċipriet Saver Cassar, iżda wkoll li nirrikonoxxu li l-eżempju tiegħu u ta’ sħabu f’diversi forom, għadu ħaj fostna l-Għawdxin li ġejna warajhom, u l-lejla għandna kemm irrikonoxxejna il-kontribut divers b’risq Għawdex ta’ tlieta minn uliedu.
Dun Charles Cini, li permezz tal-ħidma tiegħu bħala Salesjan, awtur u pubblikatur, ta kontribut importanti għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta’ Għawdex.
L-artist Anthony Caruana, li bil-ħidma u t-talent tiegħu kien pijunier fl-iżvilupp tal-arti moderna f’Għawdex, filwaqt li ppromwova l-arti anke fuq livell internazzjonali.
U l-kirurgu John Baptist Pace, li bil-ħidma pijuniera tiegħu fil-qasam tas-saħħa u bl-inizjattivi favur il-morda u l-anzjani, ta kontribut imprezzabbli għall-kwalità tal-ħajja tal-komunità Għawdxija.
Dawn il-persuni onorati b’Ġieħ Għawdex huma xhieda ħajja ta’ dan l-impenn. Kull wieħed u waħda minnhom, fil-qasam rispettiv tagħhom, taw sehem li mar lil hinn mill-interess personali u kkontribwew għall-ġid tal-komunità Għawdxija, għall-preservazzjoni tal-identità tagħha u għall-iżvilupp tagħha.
F’dan il-jum kommemorattiv, nifraħilhom minn qalbi għall-impenn tagħhom favur il-protezzjoni tal-gżira Għawdxija.
Nawgura biex dan il-patrimonju ta’ impenn, dedikazzjoni u abilità li qed iħallu, ikun ta’ eżempju tajjeb għall-ġenerazzjonijiet futuri; ikun ta’ gwida għalihom biex jipproteġu u jsostnu dak li jagħmel lil Għawdex tassew uniku: in-nies u l-identità tiegħu.
Ringrazzjament liċ-Circolo Gozitano li għal darb’oħra organizza din il-kommemorazzjoni u l-għoti ta’ Ġieħ Għawdex biex b’hekk iżomm ħajja din it-tradizzjoni li nfakkru u niċċelebraw lil dawk li jagħmlu Għawdex dak li hu.