Midja
L-Ambaxxatur tal-Ukrajna, l-Eċċellenza Tiegħu Ihor Brusylo, ippreżenta l-ittri ta’ kredenzjali tiegħu lill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
L-Ambaxxatur tal-Ukrajna esprima l-apprezzament sinċier tiegħu għas-solidarjetà u l-appoġġ kontinwu ta’ Malta lejn il-poplu Ukren sa mill-bidu tal-gwerra, filwaqt li faħħar il-pożizzjoni ta’ Malta bħala eżempju ċar ta’ kif, għal Malta, in-newtralità ma tfissirx silenzju jew indifferenza quddiem ksur tad-dritt internazzjonali.
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta ġeddet l-impenn ta’ Malta li tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u lill-poplu Ukren kif għamlet f’diversi okkażjonijiet, sabiex tkompli tippromwovi l-prinċipji tal-ġustizzja, ir-responsabbiltà u r-rispett lejn id-dritt internazzjonali, li għandhom ikunu l-pedamenti ta’ paċi ġusta u dejjiema.



