Midja
It-Tlieta filgħodu, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono żaret Savio College, f’Ħad-Dingli, bħala parti mill-kampanja L-istrina BOV Piggy Bank.
Waqt li kienet qed tindirizza lill-istudenti, il-President fissret kif din il-kampanja tmur lil hinn mill-flus miġbura, u fissret li l-iskop tagħha jirrifletti wkoll il-viżjoni li Don Bosco kellu għall-ġuvintur, li jagħnihom bil-valuri li jservuhom ladarba jikbru u jkollhom it-tmexxija f’idejhom.
Waqt sessjoni ta’ mistoqsijiet mill-istudenti, l-Eċċellenza Tagħha aċċennat ukoll kif ma jistax ikollna l-ġid komuni jekk jimpurtana biss mir-roqgħa li tmiss lilna.
Fi tmiem iż-żjara, il-President kienet ippreżentata bi prodotti tal-ħelu u agrikoli, li l-istudenti stess jagħmlu u jikkultivaw bħala parti mill-attivitajiet extra-kurrikulari tal-iskola.



