Midja

Nhar il-Ħamis, bħala parti mill-kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, żaret l-iskola tal-Knisja St. Joseph Mater Boni Consilii School f’Raħal Ġdid.
Matul din iż-żjara, il-President semgħet kif l-assemblea ta’ kull Ġimgħa filgħodu tkun iddedikata lil Malta u lill-ilsien Malti. F’dan ir-rigward, hija saħqet fuq l-importanza li ngħożżu lil pajjiżna u spjegat kif il-valuri tal-għaqda, l-empatija u s-solidarjetà jsaħħu kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-pajjiż.

Il-President faħħret ukoll il-ħidma tal-iskola biex tagħti lill-istudenti tħejjija wiesgħa għall-ħajja, li trawwem fihom sens ta’ responsabbiltà u tħeġġiġhom jaħsbu f’ħaddieħor.
Hija pparteċipat ukoll f’sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-istudenti.