Il-pubblikazzjoni Judicial Review of Administrative Action in Malta, huwa t-tielet studju legali tal-Professur Tonio Borg, li qed jiġi mniedi fil-Palazz ta’ San Anton, fi ftit aktar minn sentejn.
Ir-rwol tal-ġudizzjarju f’din il-materja tal-eżami mill-Qrati tal-Atti Amministrattivi, huwa fl-ewwel lok, wieħed ta’ skrutinju:
Id-deċiżjoni ttieħdet fl-ambitu tal-liġi?;
Kien hemm eċċess fl-użu ta’ diskrezzjoni li setgħet kienet permissibbli li jista’ jirrendi l-azzjoni ultra vires?;
Imxejna ħafna lil hinn mid-dikjarazzjoni tar-Re Xemx; L-etat c’est moi, li tissenjala kmand imperjali, kmand sovran;— iżda elementi minn dan il-kunċett baqgħu evidenti fid-duttrina ta’ atti amministrattivi, mlibbsa libsa ta’ atti jure imperi, fejn il-qrati kienu jqisu illi jkunu waslu f’għatba li ma kellhomx jirfsu.
Dejjem jibqa’ materji fejn l-istat jaġixxi fil-vesti ta’ sovran, bħal fis-sigurtà tal-pajjiż, id-difiża, regoli ta’ ċittadinanza, relazzjonijiet internazzjonali u bilaterali, u impożizzjoni ta’ taxxi.
L-aqwa test, l-aqwa eżami, ta’ fejn jidħol l-eżami ġudizzjarju ta’ azzjonijiet amministrattivi, huwa fejn jidħol l-interess tal-poplu fil-konfront tad-deċiżjonijiet meħuda mill-eżekuttiv tal-ġurnata, skont kif l-eżekuttiv tal-ġurnata huwa definit fit-tielet paragrafu tas-sub-Artiklu tnejn (2), tal-Artiklu erbgħa mija u disgħa u sittin A (469A) ta’ Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili;— u l-Qrati jridu jaraw jekk l-azzjoni tiksirx xi wieħed jew aktar mill-elementi li joħorġu mis-Sub-Artiklu wieħed (1) tal-istess Artikolu erbgħa mija u disgħa u sittin ittra A (469 A).La għadu kemm issemma l-Artikolu erbgħa mija u disgħa u sittin ittra A (469A), ta’ min wieħed jinnota illi fis-sena elfejn u għoxrin (2020) ġie inkluż fil-kapitlu tnax (12) tal-Liġijiet ta’ Malta, l-Artiklu erbgħa mija u sittin ittra B (469B), li speċifikament jipprovdi għar-review ġudizzjarju ta’ Atti/deċiżjonijiet meħuda mill-Avukat Ġenerali, fir-rigward ta’ materji kriminali.
Dettalji oħra ser inkun qed inħallihom għall-kelliema l-oħra; il-Professur Tonio Borg, u l-Professur Ivan Mifsud, Dekan tal-Fakulta tal-Liġi.
Ser insemmi biss żewġ elementi illi kienu importantissimi fl-iżvilupp tal-iskrutinju mill-Qrati ta’ Atti Amministrattivi.
Dawn iż-żewġ elementi huma:
L-ewwelnett, l-interpretazzjoni tal-liġi mill-ġudikant li jkollu l-każ quddiemu.
Wieħed bilfors irrid jinnota illi kien hemm drabi fejn deċiżjonijiet kienu mogħtija b’mod ristrettiv, xi drabi b’inkini lejn il-Gvern tal-ġurnata.
Iżda irridu nirrikonoxxu wkoll, illi d-duttrina mxiet ’il quddiem u twessgħet, fejn jidħlu d-drittijiet tal-poplu ċittadin, permezz ta’ deċiżjonijiet kuraġġużi li kienu, fl-essenza tagħhom, jieħdu in kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni u t-twessigħ tal-ħsieb demokratiku:
Id-drittijiet tal-indivdiwi – drittijiet umani, politiċi, kulturali u ċiviċi, li rajna jiżviluppaw tul dawn l-aħħar seklu u nofs, partikularment mit-twelid tal-Istat Malti, mill-Indipendenza lil hawn.
Drittijiet li huma jew espressi b’mod espliċitu, jew inkella hemm iż-żerriegħa tal-ħjiel tagħhom fil-Kostituzzjoni tagħna u l-liġijiet anċillari, li iżda ħafna drabi, biex joħroġ l-ispirtu li jikkonċepihom, u kif dan l-ispirtu li jikkonċepihom, jiżżewweġ mal-iżvilupp tat-tmexxija demokratika fi Stat msejjes fuq ir-rule of law u l-prinċipji ta’ governanza tajba, hemm bżonn xprunar mill-interpretazzjoni li tingħatalhom mill-Qrati tagħna, interpretazzjoni li twessagħhom u tiżvilupphom.
Hija interpretazzjoni, li ħafna drabi jkun hemm min jaraha awdaċi, speċjalment meta tkun qed tiftaħ orizzonti aktar wiesgħa minn dawk li jkunu ġew stabbiliti qabel, iżda hija din l-interpretazzjoni li d-drittijiet li jkun hemm il-ħjiel tagħhom fis-strumenti legali tikkristallhom, u tagħmilhom tanġibbli, b’mod li jkunu milħuqa mis-soċjetà; mhux biss b’mod individwali, imma anke b’mod settorjali.
F’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet tal-Qrati tagħna kienu strumentali sabiex jikkonkrettiżaw drittijiet li setturi mis-soċjetà kienu jħossu li qegħdin jintrifsulhom.
Hawnhekk qed nirreferi b’mod partikolari, dwar l-applikazzjoni mill-Qrati tagħna, tad-duttrina tal-interess ġuridiku; u pass ’il quddiem kienu d-deċiżjonijiet (tal-każ tal-Kamra tal-Periti u l-kawżi ta’ Bridlife u Ramblers Association) fejn il-Qrati mxew lil hinn, mill-interpretazzjoni stretta ta’ interess ġuridiku kif niltaqgħu miegħu f’kawżi ċivili, jiġifieri, li l-interess irid ikun wieħed dirett, attwali u fuq kollox, personali.
Dan l-interess ġie estiż għal setturi, għall-gruppi li għandhom interess partikolari jew speċjali, u li b’ċertu azzjonijiet amministrattivi, libertajiet u drittijiet tagħhom, jistgħu jħossu li huma mhedda, jew adirittura, mirfusa —- hawnhekk għandna ż-żerriegħa ta’ żvilupp ta’ interess ġuridiku f’kawżi fl-ambitu tal-public law li jkun b’enfasi differenti mill-interess ġuridiku tal-liġi ċivili. U hawn, tibda tberren il-mistoqsija fl-iskrutinju tagħhom;
Il-Qrati għandhom jikkunsidraw jekk id-deċizjoni ittiħditx b’mod li wiżnet u bbilanċjat dak li jolqot is-setturi differenti tas-soċjetà?
Jekk id-deċiżjoni fl-aħħar mill-aħħar kienitx tħares il-ġid komun?
U ma’ dawn ukoll, jekk fl-evalwazzjoni l-Qrati għandhomx iqisu kunsiderazzjonijiet ta’ standards ta’ governanza tajba?
Dan ir-raġunament jitfa’ l-lenti fuq l-importanza tad-distakk tal-ġudikatura mill-eżekuttiv – id-distakk, id-distanza prudenti li għandu jkun hemm bejn il-Qrati u l-Gvern tal-ġurnata. U dan għaliex, il-Qrati huma s-sur li jiddefendi lil David iċ-ċittadin mill-Istat Gulija.
Il-Poplu jħares lejn il-Qrati bħala l-bastjun tal-protezzjoni tiegħu, it-tarka tas-Sovranità aħħarija tiegħu, u wieħed ma jistax jenfasizza biżżejjed il-bżonn illi l-Ġudikatura tagħna tkun waħda qalbiena, bla biża u dak li fl-Ingliż ngħidu “intrepid”.
Din it-tieni edizzjoni tal-opra tal-Professur Tonio Borg, Judicial Review of Administrative Action in Malta, meta tgħoddhom tirreferi għal madwar elf sentenza tal-Qrati tagħna, f’dawn l-aħħar, mija u tletin (130) sena.
Sentenzi li flimkien isawwru l-vjaġġ minn l-“etat c’est moi”, għall-prinċipju ewlieni bażilari, li ħadd, lanqas l-Istat innifsu, m’għandu jkun l-fuq mill-liġi.
Nirringrazzja lill-Prof. Tonio Borg għal din il-kontribuzzjoni tiegħu ta’ studju legali Melitensi, u nħalli il-kumplament tas-serata f’idejn il-Prof. Tonio Borg u l-Prof Ivan Mifsud.