Midja

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, laqgħet delegazzjoni mmexxija mill-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri fejn ġie ippreżentat lilha d-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Viżjoni Malta 2050 – direzzjoni strateġika għal pajjiżna sal-2050, b’miri li għandhom jintlaħqu sal-2035.

Matul il-laqgħa, il-Ministru Schembri fisser li l-Viżjoni mhix biss dokument ta’ aspirazzjonijiet għall-2050, iżda tinkludi wkoll miri speċifiċi li jridu jintlaħqu sal-2035.

L-Eċċellenza Tagħha laqgħet dan l-eżerċizzju b’mod pożittiv, innotat dwar il-mod li bih qed ikun propost li tiġi mkejla l-kwalità tal-ħajja, u enfasizzat l-importanza li jitrawwem ħsieb kritiku fost il-ġenerazzjonijiet li qed jikbru.

Il-President fakkret ukoll kif, minħabba ċ-ċokon fiżiku tal-pajjiż u l-iskarsezza tar-riżorsi naturali, il-poplu Malti dejjem wera reżiljenza, u stqarret li din għandha tibqa’ tkun il-bażi għal futur sostenibbli, b’importanza tingħata lill-innovazzjoni u l-kreattività.