Ambaxxatriċi u Kummissjarju Għoli, it-tnejn residenti, flimkien ma’ Ambaxxatriċi mhux residenti, it-tlieta rappreżentanti ġodda ta’ pajjiżhom, ippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
- Il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Eċċellenza Tagħha Victoria Alice Markland Busby OBE,
- L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, l-Eċċellenza Tagħha Shaymaa Badawi, u
- L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika tal-Kosta tal-Ivorju, l-Eċċellenza Tagħha Nogozene Bakayoko.
Wara li ppreżentat il-Kredenzjali lill-Eċċellenza Tagħha, il-Kummissarju Għoli Ingliża tkellmet dwar ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn ir-Renju Unit u Malta. Hija saħqet fuq l-impenn tal-missjoni tagħha li ssaħħaħ din ir-rabta, fl-oqsma kollha, partikolarment fl-oqsma tad-diplomazija, il-kultura, u r-relazzjoni bejn in-nies.
L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet ir-relazzjoni mill-qrib u storika ta’ bejn Malta u l-Ingilterra, sew fuq skala bilaterali kif ukoll fuq skala multilaterali. Hija nnotat r-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina miż-żewġ pajjiżi f’dawn l-aħħar ġranet u awgurat biex dan jgħin biex iressaq qrib is-soluzzjoni ta’ żewġ stati, Iżrael u Palestina.
Il-President irriflettiet ukoll fuq l-importanza li din ir-relazzjoni, mibnija fuq sett ta’ valuri komuni, tibqa’ tissaħħaħ minkejja l-fatt li r-Renju Unit m’għadux jifforma parti mill-Unjoni Ewropea.
L-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu esprimiet d-determinazzjoni tagħha li tagħti spinta lir-relazzjonijiet bejn l-Eġittu u Malta, biex dawn ikomplu jissaħħu. Hija qalet li ser taħdem biex jiġu finalizzati diversi ftehimiet bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali. Hija irringrazzjat lill-Malta għas-sehem attiv tagħha fil-qasam multilaterali, anke permezz tar-rikonoxximent uffiċċjali tal-Palestina ftit tal-jiem ilu.
L-E.T. Myriam Spiteri Debono tkellmet dwar l-affinità bejn iż-żewġ popli u pajjiżi li ssaħħet tul is-snin permezz tal-promozzjoni tal-valuri komuni favur il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran. Hija rringrazzjat ukoll il-ħidma tal-Gvern Eġizzjan li kien strumentali biex joffri għajnuna umanitarja liċ-ċivili biex jevakwaw b’mod sikur miż-żoni ta’ konflitt f’Gaża.
L-Ambaxxatriċi tal-Kosta tal-Ivorju tkellmet dwar it-tibdiliet progressivi li qed isiru fil-Kosta tal-Ivorju, u li joħolqu diversi opportunitajiet għal diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet diplomatiċi ma’ pajjiżna. Hija qalet li dan huwa ċans tajjeb biex pajjiżi bħal Malta jesploraw aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni f’oqsma differenti, fosthom l-agrikoltura u l-kummerċ.
Min-naħa tagħha l-Eċċellenza Tagħha għarfet kif fuq livell multilaterali, iż-żewġ pajjiżi jħaddnu politika komuni li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fir-reġjuni rispettivi tagħhom.
Matul il-laqgħat, il-President Spiteri Debono ferħet lill-Ambaxxaturi u lill-Kummissarju Għoli għall-ħatra tagħhom.