Midja
L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, kellha żjara ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton mir-Rettur Maġġur tas-Sależjani, Dun Fabio Attard, flimkien mad-delegazzjoni tiegħu.
Dun Fabio Attard, il-11-il suċċessur ta’ Don Bosco, jinsab fl-ewwel żjara uffiċjali tiegħu f’Malta minn mindu ġie elett fil-kariga ta’ Rettur Maġġur f’Marzu li għadda.
Il-President ta’ Malta bdiet billi ferħet lis-saċerdot Għawdxi għal din il-kariga, u nnutat il-ġid kbir li tagħmel il-komunità tas-Sależjani kemm f’Malta u anke f’pajjiżi oħra, b’mod partikolari maż-żgħażagħ.
Min-naħa tiegħu, Dun Fabio Attard spjega x’ħidma twettaq il-komunità kbira li jmexxi hu f’għexieren ta’ pajjiżi differenti, fosthom anke mal-emarġinati, refuġjati u fil-formazzjoni taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni tagħhom. Huwa temm jgħid li s-Sależjani għandhom anke missjoni fit-tisħiħ tan-nazzjon u l-umanità.

