Midja

L-E.T. Myriam Spiteri Debono indirizzat lill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, fi Strasburgu, fl-okkażjoni tal-75 sena tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Fl-indirizz tagħha, il-President irrimarkat kif matul dawn is-snin il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem “serviet bħala boxxla legali u morali tal-Ewropa, ankrat id-demokraija, issalvagwardjat id-drittijiet, u tat identità komuni Ewropea msejsa fuq il-ġustizzja, ir-responsabbiltà u r-rispett reċiproku.
Waqt li rrikonoxxiet l-importanza u l-bidla li ġabu magħhom is-sentenzi tal-istess Qorti, inkluż għal Malta, il-President aċċennat li hi r-responsabbiltà ta’ kulħadd, id-dmir tagħna, li niżguraw li l-importanza ta’ din il-Qorti tkun priservata u msaħħa, biex “il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tibqa’ tiżgura kontinent fejn il-liġi tirrenja fuq il-vjolenza, fejn id-drittijiet jipprevalu fuq it-terrur, u fejn id-dinjità għal wieħed, tfisser dinjità għal kulħadd.”
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-President tal-ECHR, Mattias Guyomar, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, u l-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, Theodoros Rousopoulos.