Midja

L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, attendiet iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Awstralja, organizzata mill-Kummissjoni Għolja tal-Awstralja f’Malta.
Fid-diskors tagħha, il-President irrikonoxxiet ir-rabtiet mill-qrib bejn Malta u l-Awstralja; pajjiż li minkejja d-distanza ġeografika huwa d-dar ta’ madwar 35,000 Malti u Maltija, u 230,000 persuna oħra ta’ dixxendenza Maltija.
Il-President Spiteri Debono nnutat kif sa mill-1964, meta Malta kisbet l-Indipendenza u l-Awstralja mmedjatament irrikonoxxiet is-sovrannità ta’ pajjiżna, iż-żewġ pajjiżi kkollaboraw u laħqu ftehim dwar diversi setturi fosthom il-migrazzjoni, is-sigurtà soċjali, servizzi tas-saħħa, it-tassazzjoni, is-servizzi tal-ajru u l-visa għal persuni li jivvjaġġaw bejn Malta u l-Awstralja.
Fid-dawl ta’ dan, il-President esprimiet l-impenn ta’ Malta li tkompli tibni r-relazzjoni mal-Awstralja, fl-isfond ukoll ta’ qafas ta’ politika li qed tħejji Malta għar-reġjun tal-Ażja u l-Oċeanja u li għandu jsaħħaħ il-kollaborazzjoni f’diversi oqsma komuni.