L-Imħallef irtirat Anthony Abela ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-ewwel Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura.
Iċ-ċerimonja, li kienet preseduta mill-Eċċellenza Tagħha il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, saret fil-Palazz Presidenzjali, fil-Belt Valletta.
Fl-ewwel diskors tiegħu, Dr Abela qal li l-ħolqien ta’ din il-kariga hi r-risposta għal mistoqsija li kien qajjem Juvenal: “Min ser iħarisna minn dawk li jħarsuna?” Hu enfasizza l-kwalitajiet tal-integrità, manjamita u l-fermezza fid-deċiżjoni bħala l-valuri li għandhom jiggwidawh fil-kariga ġdida tiegħu. Wiegħed li ser jagħmel ħiltu biex jinforma lill-poplu x’inhi l-funzjoni tal-uffiċċju tiegħu.
Fil-messaġġ tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono fissret din il-ħatra bħala triq ġdida li qed jingħata l-poplu, u li tqarrbu lejn l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li fissritha bħala waħda mit-tliet organi vitali tal-Istat, flimkien mal-Gvern, il-Parlament u l-ġustizzja.
Il-President aċċennat l-importanza li l-poplu jkollu fiduċja fl-Istat, inkluż fil-ġustizzja. Waqt li indirizzat lill-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura, il-President fakkret li dan ir-rwol iġib miegħu responsabbiltà importanti, u qalet li r-rwol hu wieħed ġdid li għandu jkompli jiżviluppa bl-esperjenza, biex il-funzjoni tiegħu tkompli tissaħħaħ u titjieb.
Il-Prim Ministru Robert Abela awgura lill-Imħallef Emeritu Toni Abela u spjega kif pajjiżna tela’ tarġa oħra fir-retta tal-amministrar tal-ġustizzja. Sostna li Gvern immexxi minnu kien katalista tal-ikbar riformi Kostituzzjonali u l-pass tal-ħolqien ta’ dan l-irwol il-ġdid ikompli jsaħħaħ il-kredenzjali ta’ pajjiżna fis-saltna tad-dritt. Qal li Dr Toni Abela dieħel għal kariga importanti, u awgura li l-Imħallef Emeritu jikkontribwixxi b’mod siewi f’din il-kariga ġdida fdata f’idejh.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Dr Jonathan Attard, iddeskriva din il-ħatra bħala ġrajja importanti għall-ġustizzja f’Malta u pass ieħor fil-proċess kontinwu ta’ żvilupp kostituzzjonali.
“Il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura se tagħti lin-nies vuċi aktar b’saħħitha fil-ġustizzja. Iċ-ċittadin aggravat qed jingħata rimedju ġdid, dirett u indipendenti, biex ikun assigurat li l-qrati jaqdu l-funzjoni tagħhom b’integrità u responsabbiltà, u awgura lill-ewwel Kummissarju f’dan ir-rwol, l-Imħallef irtirat Toni Abela. Il-Ministru Attard kompla biex irringrazzja lill-Ġudikatura għall-appoġġ espress fuq il-prinċipji li sawru dan l-iżvilupp, li kien approvat mill-Parlament wara li kienet tressqet mozzjoni ta’ proċedura.
Skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura jinħatar għal perjodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġi mġedded, u jrid ikun membru tal-ġudikatura rtirat, jew avukat anzjan li ma għadux jipprattika l-professjoni.