Qed joqorbu lejn tmiemhom ġimgħat ta’ ħidma biex is-Sibt filgħaxija tiġi organizzata edizzjoni oħra tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu, fil-Kastell Verdala, b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Waqt żjara fil-Kastell Verdala l-Ġimgħa filgħodu, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, iltaqgħet mal-voluntiera, il-ħaddiema u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li għaddejjin bl-aħħar preparamenti tagħhom.
Matul iż-żjara kien spjegat kif din is-sena, dawk li jattendu se jgawdu diversi elementi ġodda, li fl-istess waqt se jikkumplimentaw l-istorja tal-Ballu li ilu jiġu organizzat sa mill-1958.
Fost oħrajn, il-Kastell Verdala se jingħata libsa kkulurita bi fjuri, bandalori u pavaljuni li jonoraw ukoll l-istorja tal-Kastell Verdala, fl-istess waqt li joħorġu iktar fid-deher l-arkitettura u l-arti rikka tiegħu.
Elementi ġodda wkoll għall-ispettaklu matul is-serata, hekk kif din is-sena l-ballu se jinkludi lill-Big Band Brothers, il-kantanti Jessica Magro, Jessica Micallef, Daniel Cauchi u Jolene Samhan, flimkien mal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li ilha għal snin twal tipparteċipa fil-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu.
F’kummenti lill-midja, il-President fakkret li dawk li se jattendu mhux biss se jgawdu minn serata spettakolari, b’ikel, xorb u divertiment tal-ogħla kwalità, imma fl-istess waqt se jkunu qed jgħinu lill-Malta Community Chest Fund biex tkompli tkun ta’ spalla lill-pazjenti li jiġu bżonn l-għajnuna tagħha, u l-qraba tagħhom.
Il-biljetti għall-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu jistgħu jinkisbu mis-sit augustmoonball.com.