Skip to content

President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President iżżur l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol

Il-President Myriam Spiteri Debono żaret il-kwartieri ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, li qed tiċċelebra l-125 sena mit-twaqqif tagħha.

Matul iż-żjara, il-President iltaqgħet mat-tmexxija u l-uffiċjali tal-Assoċjazzjoni, u rrikonoxxiet l-impenn tal-Assoċjazzjoni lejn l-isport u l-edukazzjoni, u nnotat li l-programm ta’ ċelebrazzjonijiet tal-Assoċjazzjoni jinkludu programmi ddedikati għall-iskejjel u attivitajiet fil-qalba tal-komunità.

Il-President irrimarkat ukoll fuq il-ħidma tal-MFA biex permezz tal-isport tiżdied l-għaqda u l-inklussività, li tpoġġew fil-qafas għall-attivitajiet tal-125 Sena Anniversarju tal-MFA.

Waqt li indirizzat lill-impjegati tal-MFA, il-President fakkret li kull wieħed u waħda minnhom għandhom fuq spallejhom responsabbiltà li il-ħidma tagħhom tkun riflessa wkoll fl-għaġna tal-poplu u t-tessut soċjali.

Il-President esprimiet l-apprezzament tagħha għax-xogħol tagħhom u appellatilhom: “Ħossukom parti minn familja kbira Maltija, għax bl-għaqda ta’ bejnietna nemmen li kapaċi naslu ħafna.”

Il-President Myriam Spiteri Debono ltaqgħet ukoll mal-plejers tal-iskwadra nazzjonali tan-nisa, li għandhom ċans jiksbu promozzjoni minn League Ċ Grupp 2 tal-UEFA Women’s Nations League. Huma ppreżentawlha ballun iffirmat mill-plejers kollha tal-iskwadra li t-Tlieta filgħaxija għelbet lill-Ġorġja.

Waqt li faħħrithom għar-riżultati pożittivi li qed tikseb l-iskwadra nazzjonali tan-nisa, u rrikonoxxiet il-ħidma li qed issir, il-President irrimarkat li bl-eżempju tagħhom qed ikunu ta’ eżempju u inkoraġġiment biex iktar tfajliet jemmnu li kapaċi jaslu daqs ħaddieħor.

Il-President iltaqgħet ukoll mat-tim nazzjonali tas-subien, fil-kategorija ta’ taħt is-17-il sena, li bħalissa qed jitħarrġu bi preparazzjoni għar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Under-17 Championship. Hi fakkrithom li meta jilbsu l-flokk nazzjonali mhux biss qed jirrappreżentaw lill-pajjiż, imma jkunu wkoll ambaxxaturi ta’ Malta kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.

Matul iż-żjara tagħha, il-President tenniet l-apprezzament tagħha lejn il-ħidma li ssir f’dan is-settur, u tenniet kemm-il darba l-appoġġ tagħha għall-iskwadri nazzjonali.

Għaż-żjara kienu preżenti wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Sport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, u x-Shadow Minister tal-Isport David Agius.