President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President ta’ Malta b’udjenza privata ma’ Papa Ljun XIV

It-Tnejn filgħodu, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono kellha udjenza privata mal-Qdusija Tiegħu Papa Ljun XIV, fil-Vatikan.

Fl-ewwel kummenti tagħha, il-President ta’ Malta fissret il-laqgħa tagħha mal-Papa bħala waħda profonda u sinifikanti, li matulha l-Papa tkellem dwar diversi temi, b’mod speċjali s-sitwazzjoni globali internazzjonali, fosthom fil-Lvant Nofsani.

Il-Papa u l-President tkellmu wkoll dwar ir-relazzjonijiet bilaterali tajba, u l-kooperazzjoni li teżisti bejn il-Knisja u l-Istat ta’ Malta.

Il-Papa wera interess partikolari dwar Malta. Semma l-Provinċja Agostinjana Maltija. Matul din id-diskussjoni, il-President ta’ Malta rreferiet għall-istedina biex il-Papa jżur pajjiżna, li għamillu l-Prim Ministru Dr Robert Abela fil-laqgħa li kellhom flimkien. Il-President tenniet din l-istedina u l-Papa ma eskludiex li, wara ż-żjarat li għandu ppjanati, iżur Malta.

L-udjenza privata kienet segwita minn laqgħa tad-delegazzjoni Maltija mal-Papa, li għaliha attendew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, l-E.T. Frank Zammit, u uffiċjali mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, fosthom is-Segretarju tal-Presidenza, Moira Attard.

Matul din il-laqgħa sar skambju ta’ rigali, fejn il-President ta’ Malta, f’isem pajjiżna, tat riljev fil-bronż ta’ San Pawl, maħdum mill-artist Chris Ebejer, bħala rigal lill-Papa fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu. Il-Presidenza kienet diġà għaddiet ukoll donazzjoni li permezz tagħha kien akkwistat apparat mediku ġdid għall-klinika Ambulatorio Madre di Misericordia, biex jintuża bħala parti mis-servizzi mediċi offruti b’xejn lill-pazjenti bi bżonnijiet materjali akuti li jmorru hemm għall-kura.

L-ewwel pazjenta tal-Ambulatorio Madre di Misericordia li bbenefikat minn dan l-apparat mediku speċjalizzat kienet Peruvjana mill-eks djoċesi tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV.

Wara l-laqgħat mal-Papa, il-President ta’ Malta mexxiet delegazzjoni li kienet tinkludi lill-Ministru Ian Borg, l-Ambaxxatur Frank Zammit, u s-Segretarju tal-Presidenza, Moira Attard, għal laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, akkumpanjat mis-Segretarju tal-Vatikan responsabbli mir-Relazzjoni mal-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, l-Arċisqof Paul R. Gallagher.

Matul din il-laqgħa wkoll, iż-żewġ partijiet iddiskutew diversi temi, fosthom is-sitwazzjoni internazzjonali u ġie enfasizzat l-importanza tad-djalogu u l-paċi fuq livell globali. Ġew innotati wkoll ir-relazzjonijiet bilaterali tajba li hemm bejn is-Santa Sede u Malta. Id-diskussjoni kienet tinkludi wkoll l-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni demografika.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.