President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President ta’ Malta tilqa’ b’sodisfazzjon il-Viżjoni Malta 2050

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, laqgħet delegazzjoni tal-Gvern li ppreżentatilha d-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Viżjoni Malta 2050 – direzzjoni strateġika għal pajjiżna sal-2050, b’miri li għandhom jintlaħqu sal-2035.

Matul il-laqgħa, il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, li mexxa d-delegazzjoni, ta preżentazzjoni fid-dettall dwar x’nibbet il-ħsieb wara din il-Viżjoni nazzjonali, kif ukoll il-pedamenti prinċipali ta’ din il-Viżjoni fit-tul, imsejsa fuq erba’ pilastri:

  • Tkabbir Ekonomiku Sostenibbli
  • Servizzi Aċċessibbli li jqiegħdu liċ-Ċittadin fiċ-Ċentru
  • Pajjiż Reżiljenti b’Sistema ta’ Edukazzjoni Moderna
  • Użu Intelliġenti tal-Art u l-Baħar

Il-Ministru Schembri enfasizza li l-Viżjoni mhix biss dokument ta’ aspirazzjonijiet għall-2050, iżda tinkludi wkoll miri speċifiċi sal-2035. Huwa saħaq li l-kejl tas-suċċess mhux se jibqa’ jissejjes biss fuq il-prodott domestiku gross (GDP), iżda se jinkludi tliet indiċi ġodda, rikonoxxuti mill-Ġnus Magħquda u l-Eurostat, li jiffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwu.

Il-Ministru Schembri elenka wkoll il-fażijiet varji tal-konsultazzjonijiet li diġà saru, u spjega kif il-fażi tal-konsultazzjoni pubblika fuq il-Viżjoni Malta 2050 tibqa’ miftuħa sad-9 ta’ Settembru 2025, fejn il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ jagħti l-kontribut tiegħu fuq: envision2050.gov.mt.

L-Eċċellenza Tagħha laqgħet dan l-eżerċizzju b’mod pożittiv, irrimarkat dwar il-mod li bih qed ikun propost li tiġi mkejla l-kwalità tal-ħajja, u enfasizzat l-importanza li jitrawwem ħsieb kritiku fost il-ġenerazzjonijiet li qed jikbru.

Il-President fakkret ukoll kif, minħabba ċ-ċokon fiżiku tal-pajjiż u l-iskarsezza tar-riżorsi naturali, il-poplu Malti dejjem wera reżiljenza, u stqarret li din għandha tibqa’ tkun il-bażi għal futur sostenibbli, b’importanza tingħata lill-innovazzjoni u l-kreattività.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana, li fisser kif l-amministrazzjoni pubblika trid tkun strumentali għall-implimentazzjoni ta’ din il-Viżjoni li teħtieġ koordinazzjoni kontinwa fuq il-livelli u s-setturi kollha tal-Gvern.

Fl-istess laqgħa pparteċipaw ukoll is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-istess Viżjoni, is-Sur Ronald Mizzi, id-Deputat Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sur Tyson Fenech, is-Sur Anthony David Gatt mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u s-Sinjura Roberta Albanese Dalli, Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru tal-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.

Akkumpanjat lill-Eċċellenza Tagħha matul l-istess laqgħa s-Sinjura Moira Attard, is-Segretarju tal-Presidenza, kif ukoll is-Segretarju Privat tagħha, is-Sur Christian Vella Masini.

toggle icon
President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.