President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tħalli Malta biex tindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, ħalliet il-pajjiż għal żjara uffiċjali fi Strasburgu, Franza, fejn fost l-oħrajn se tindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Din iż-żjara qed issir f’mument importanti għal pajjiżna, hekk kif Malta bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.

L-impenji uffiċjali tal-President fi Strasburgu jibdew it-Tlieta, meta l-President tindirizza ċ-ċelebrazzjoni tal-jum nazzjonali ta’ Malta, organizzata mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, fi Strasburgu. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, bit-tema tal-festa Maltija, jattendu wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa,  Alain Berset,  u l-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), is-Sur Theodoros Rousopoulos.

Il-qofol taż-żjara tal-President fi Strasburgu jintlaħaq l-Erbgħa, meta l-President Myriam Spiteri Debono se tindirizza s-sessjoni plenarja tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, segwita minn indirizz ieħor, din id-darba lill-grupp Women@PACE, li jiġbor fih lill-parlamentari nisa membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Matul iż-żjara, il-President se jkollha wkoll laqgħat mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset,  u mal-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), is-Sur Theodoros Rousopoulos. Għal dawn il-laqgħat, id-delegazzjoni Maltija se tkun iffurmata wkoll mill-Ministri Ian Borg u Clifton Grima, l-uffiċjali mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, Moira Attard u Darren Camilleri, u wkoll il-Kap tad-Delegazzjoni Parlamentari għall-Kunsill tal-Ewropa, Naomi Cachia.

Il-President Myriam Spiteri Debono mistennija tirritorna Malta tard l-Erbgħa filgħaxija. Waqt iż-żjara tal-President barra minn Malta, Dott. Helena Dalli se sservi bħala l-Aġent President.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.