Il-President Myriam Spiteri Debono indirizzat lill-Ambaxxaturi, Kummissarji Għolja u Rappreżentanti Permanenti ta’ Malta waqt il-Laqgħa tal-Ambaxxaturi li saret fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
Il-President irringrazzjat lir-rappreżentanti kollha ta’ Malta għall-ħidma kollettiva b’risq pajjiżna, u tal-kontribut li qed jagħtu biex jippromwovu l-politika barranija tagħna kemm fuq skala bilaterali u kif ukoll fuq skala multilaterali. Hija qabblet il-ħidma rappreżentattiva favur Malta ma’ missjoni li tirrikjedi ħafna dedikazzjoni u sagrifiċċju.
Il-President tkellmet ukoll dwar kif il-ħidma bilaterali qed tikkonsolida r-relazzjoni ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra, u twassal biex jiżdied l-investiment u t-turiżmu, filwaqt li r-rappreżentanti ta’ Malta jibqgħu punt ta’ riferenza għad-dijaspora Maltija li tgħix barra minn xtutna.
Fuq skala multilaterali, il-President ikkummentat dwar kif din tinvolvi l-ħidma li tiġi promossa politika barranija ġusta u kredibbli, ibbażata fuq il-prinċipji tal-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali li huma l-qafas tal-kostituzzjoni tagħna. Dan b’mod speċjali f’kuntest globali mifni bil-kunflitti, li jheddu l-istabbilità u l-paċi internazzjonali, u li qed ikollhom effetti u konsegwenżi diretti fuqna wkoll. Hija rreferiet għax-xogħol li sar waqt il-presidenzi ta’ Malta bħala membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u bħala president tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropea, l-OSCE.
Il-President Spiteri Debono ħeġġet sabiex ikompli jsir tisħiħ fis-servizz diplomatiku Malti biex bħala pajjiż inkunu f’pożizzjoni li nkomplu nissalvagwardjaw l-interessi ta’ Malta u biex l-ideat tagħna jibqgħu jiġu riflessi minn ġenerazzjoni għall-oħra u nkomplu nibnu fuq dak li ksibna.
Il-President ikkonkludiet billi saħqet fuq l-importanza li Malta tibqa’ tippromwovi dak li tassew temmen fih u li ma tibżax milli tkun ambizzjuża fil-ħidma biex tirrenja l-ġustizzja u l-paċi.