President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza lill-membri ta’ Oxford Union

Fl-indirizz tagħha lill-membri tal-Oxford Union, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono tkellmet dwar il-paċi fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali attwali.

Dwar din it-tema, hi tat ħarsa politiko-storika u fissret li l-kunflitti bl-armi, jiġifieri gwerer li għadhom magħna, qegħdin ikunu karatterizzati minn atroċitajiet fil-konfront tan-nies ċivili, fosthom nisa, tfal u anzjani, intiżi biex ikissru l-pajjiż u l-poplu mill-qiegħ.

F’dan l-isfond, il-President Spiteri Debono aċċennat għall-importanza tad-djalogu fuq livell internazzjonali, biex id-dinja mill-ġdid tesperjenza l-armonija, u twarrab il-gwerer u l-kunflitt.

Il-President tat importanza lill-istatus tal-individwu fuq livell nazzjonali u internazzjonali, u rreferiet għall-Open Forum Partnership u l-Warsaw Human Dimension Conference, taħt l-awspiċi tal-OSCE, li jagħtu importanza liċ-ċittadin u s-soċjetà ċivili u jirrikonoxxu lill-individwu fl-isfera internazzjonali.

F’dan l-isfond aċċennat ukoll li ċ-ċittadini madwar id-dinja jkollhom aċċess għad-drittijiet bażiċi, provvista adegwata ta’ ikel u mediċina, kif ukoll edukazzjoni. Il-President tat importanza għat-trawwim ta’ mexxejja ta’ għada mogħnija bil-kwalitajiet ta’ mexxejja tajba.

Il-President għamlet il-punt li huwa kruċjali li l-ebda pajjiż ma jidhirlu li bl-użu tal-forza jibdel il-konfigurazzjoni tal-fruntieri ta’ stat ieħor.

Matul iż-żjara tagħha għand l-Oxford Union Society, il-President wieġbet ukoll il-mistoqsijiet tal-istudenti membri tal-Oxford Union, li ffukaw fuq diversi suġġetti attwali fosthom ir-rwol ta’ Malta bħala pajjiż newtrali, fl-isfond tal-kunflitti internazzjonali, kif ukoll is-saltna tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni, fost oħrajn.

Qabel id-diskors tagħha, il-President Spiteri Debono iltaqgħet mat-tmexxija tal-Oxford Union, u żaret il-bini tal-għaqda, fosthom il-libreriji storiċi tagħha. Għal din iż-żjara, il-President kienet akkumpanjata minn żewġha Dr Anthony Spiteri Debono, uffiċjali tal-Uffiċċju tal-President kif ukoll il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, l-E.T. Stephen Montefort.

Iż-żjara fl-Oxford Union ġabet fi tmiemha ż-żjara tal-President Myriam Spiteri Debono fir-Renju Unit. Il-President irritornat Malta fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis.

toggle icon
President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.