President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Is-sitt edizzjoni ta’ L-istat tan-nazzjon se ssir fl-4 ta’ Settembru

Is-sitt edizzjoni tal-konferenza nazzjonali ‘L-iStat tan-Nazzjon’, bit-tema ‘Il-popolazzjoni u n-nazzjon Malti sa 50 sena oħra’, se ssir fl-4 ta’ Settembru, fil-Kastell Verdala.

Din il-konferenza qed tiġi organizzata fuq inizjattiva tal-Professur Vincent Marmarà u s-Sur Lou Bondi, b’kollaborazzjoni u l-appoġġ tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.

Minbarra diversi esperti fis-settur, L-istat tan-nazzjon ta’ din is-sena se tkun indirizzata wkoll mill-Prim Ministru ta’ Malta, l-Onorevoli Robert Abela, l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, u l-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onorevoli Alex Borg.

Dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, li matulha l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, aċċennat l-importanza tat-tema ta’ din is-sena fl-isfond tal-attwalità tad-diskussjoni dwar il-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-President tenniet ukoll kemm din it-tema hi vasta: “Hemm min iħares lejn il-popolazzjoni mil-lat tal-etniċità, l-ekonomija, l-infrastruttura tal-pajjiż, u s-saħħa u l-edukazzjoni fost l-oħrajn.”

Waqt li enfasizzat l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-esperti fis-settur, l-Eċċellenza Tagħha ħeġġet ukoll il-parteċipazzjoni tal-pubbliku b’mod ġenerali u dawk kollha li jixtiequ jikkontribwixxu fid-diskussjoni.

Min-naħa tiegħu Lou Bondi, Konsulent fil-Kommunikazzjoni Strateġika, innota li f’pajjiżna u madwarna qed iseħħu bidliet fundamentali u radikali li qed iwelldu realtajiet li għadna rridu nifhmu xi jfissru, u qed iwasslu biex is-sens ta’ min jien u min aħna m’għadux dak li kien ilbieraħ.

“It-tema ta’ din is-sena għandha tixprunana biex niddiskutu u nanalizzaw l-effetti demokratiċi li qed nantiċipaw għan-nazzjon Malti sa 50 sena oħra, u l-impatt fuq il-lingwa, id-drawwiet u l-etniċità tagħna, kif ukoll biex nesploraw kif twieldet u xxettlet l-identità Maltija mill-għeruq tat-taħlit tal-kulturi kif ukoll f’liema direzzjoni jistgħu jmorru n-nazzjon Malti u l-identità tagħha,” spjega Bondi.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Professur Vincent Marmarà, Espert fl-Istatistika u Professur Assoċjat fil-Fakultà tal-Ekonomija, il-Ġestjoni, u l-Kontabilità tal-Università ta’ Malta.

Il-Professur Marmarà spjega li L-istat tan-nazzjon qatt ma kellu l-ambizzjoni li jiddeskrivi r-realtà biss. “L-għan huwa li titqajjem diskussjoni nazzjonali serja, ibbażata fuq il-fatti u r-riċerka, sabiex flimkien ngħinu biex nibnu viżjoni fit-tul għal pajjiżna. Għax il-futur ta’ Malta ma jinbeniex billi nistennew li l-isfidi jinqalgħu imma billi jkollna l-kuraġġ niddiskutuhom, nifhmuhom u naġixxu.

Il-Professur Marmarà spega li d-deċiżjonijiet li nieħdu llum se jsawru l-Malta ta’ għada. “Dan huwa l-ispirtu tal-Istat tan-Nazzjon. Mhux biss li nifhmu fejn qegħdin, iżda li niddeċiedu flimkien fejn irridu immorru minn hawn ‘il quddiem.”

L-istat tan-nazzjon qed issir bl-appoġġ ewlieni tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, kif ukoll in-National Development and Social Fund, Project Green, V&C Group, EY, Malta Film Commission, Heritage Malta, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-iSport, Arts Council Malta, Gozo Regional Development Authority, Malta Enterprise, Malta Tourism Authority u Property Malta Foundation.

Il-konferenza hi miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jattendu, billi wieħed jirreġistra fuq l-email [email protected].

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.