President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Issir b’suċċess il-Mixja mal-President b’risq il-Malta Community Chest Fund

Mijiet ta’ persuni ngħaqdu mal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Mixja mal-President, b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Ilkoll lebsin flokkijiet tal-edizzjoni ta’ din is-sena, dawk li attendew imxew mill-Palazz ta’ Sant’Anton sa Pjazza San Ġorġ f’mewġa ta’ solidarjetà u ġenerożità ma’ dawk fil-bżonn.

F’diskors fi tmiem il-mixja, il-President ta’ Malta indirizzat lil dawk preżenti, appellatilhom biex fil-ħajja ta’ kuljum iżommu l-għaqda bejniethom li urew b’dan il-ġest, u faħħrithom għas-sens ta’ għajnuna mal-proxxmu li jiddistingwi lill-Maltin.

Il-President ta’ Malta fakkret ukoll li din l-attività hi waħda minn sensiela ta’ attivitajiet oħra, li jsiru matul is-sena, bl-għan li l-Malta Community Chest Fund tkompli tgħin lil kull min jirrikorri għandha għall-għajnuna.

Aċċennat li l-MCCF tgħin mhux biss lil min hu fil-bżonn ta’ kura onkoloġika, imma firxa wiesgħa ta’ bżonnijiet soċjali oħra. Hu għalhekk li appellat lill-pubbliku biex din is-sena wkoll, bħal kull sena oħra, ikun ġeneruż ukoll fl-Istrina.

Minbarra d-donazzjonijiet tal-pubbliku, fi tmiem il-mixja, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta donazzjoni ta’ €20,000 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti, lill-Malta Community Chest Fund.

Il-Mixja mal-President ta’ din is-sena kienet possibbli wkoll bl-għajnuna ta’ SportMalta, Enemed, il-Fond għall-Kawżi Ġusti, BOV, Eurosport Malta, Visit Malta, BNF Bank plc, MAPFRE, Maypole, Leapmotor Malta, KPMG, Powerade, The Point, Falcotrans Ltd, The Convenience Shop, Algida Malta, Paradise Bay Resort, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Magic Malta 91.7 u Ponder & Pitch.

Il-Mixja mal-President saret ukoll bl-assistenza ta’ diversi entitajiet, fosthom il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, uffiċjali tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, ta’ Transport Malta u tal-LESA, kif ukoll voluntiera tal-Malta Red Cross, li akkumpanjaw lill-parteċipanti matul il-mixja.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.