Fil-Kastell Verdala saret il-ħames edizzjoni tal-konferenza ‘Stat tan-Nazzjon’, li laqqgħet professjonisti, edukaturi u mexxejja tal-pajjiż għal diskussjoni bbażata fuq is-sejbiet ta’ stħarriġ tal-Professur Vincent Marmarà u s-Sur Lou Bondi, u li ffukat fuq l-edukazzjoni fil-firxa wiesgħa tagħha u fuq livelli differenti.
Fl-indirizz tagħha fl-għeluq tal-konferenza, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono ħeġġet biex ir-riżultati tal-istħarriġ li sar mill-Professur Vincent Marmarà jkunu mixtarra u mistħarrġa fil-fond, biex jixprunaw il-bidliet li jinħass il-bżonn tagħhom.
Il-President irrikonoxxiet ukoll li huwa neċessarju li l-poplu tagħna, f’kull età, f’kull kategorija u kapaċità, ikollu l-faċilitajiet u l-istrutturi biex jiġu żviluppati l-ħiliet b’mod aktar intensiv, u tkun inkuraġġuta t-tendenza kreattiva naturali li għandu l-esseri uman.
L-istħarriġ ta’ din is-sena, sar fost 1,064 persuna li huma riflessjoni tas-soċjetà hekk kif sar fost ċittadini ta’ età u sess differenti, u residenti madwar Malta u Għawdex.
L-ewwel parti tal-istħarriġ, kważi b’mistoqsijiet ripetuti minn sena għal oħra bi skop, issa li għaddew ħames snin minn mindu beda jsir dan l-eżerċizzju, tagħti stampa ċara tax-xejriet ta’ tibdil fis-soċjetà Maltija.