President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

It-tieni edizzjoni ta’ Cycling with Jack se ssir fit-28 ta’ Settembru

Il-Malta Community Chest Fund u l-familja Schiavone se jorganizzaw it-tieni edizzjoni tal-attività Cycling with Jack, li tfakkar il-memorja taċ-ċiklist Jack Schiavone waqt li jinġabru fondi b’risq dawk fil-bżonn.

Jack Schiavone kien ċiklist rispettat fix-xena taċ-ċikliżmu lokali, ta kontribut kbir lil dan l-isport f’Malta, rebaħ diversi unuri matul il-karriera tiegħu, irrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali u eventwalment ġie appuntat bħala kowċ nazzjonali.

Jack ħalla din id-dinja wara battalja mal-kanċer, li matulha kien assistit mill-Malta Community Chest Fund.  Kien għalhekk li martu Caroline, flimkien ma’ wliedha, ħarġu bl-idea ta’ Cycling with Jack biex ifakkru l-memorja ta’ Jack u jroddu lura lis-soċjetà b’rikonoxximent tal-għajnuna li sabu matul il-perjodu diffiċli tal-mard. Matul l-attività, li se ssir fit-28 ta’ Settembru, iċ-ċiklisti se jaqdfu mill-Kulleġġ Santa Klara, f’Pembroke, sa Manoel Island u lura. Dan waqt li fil-Kulleġġ Santa Klara se jkun hemm attivitajiet u divertiment għall-familja kollha.

Dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, il-mara ta’ Jack, Caroline Schiavone, u ċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, Sina Bugeja.

Il-President ta’ Malta rrikonoxxiet inizjattivi bħal Cycling with Jack, li jsiru fuq idea ta’ familji li ġew fil-bżonn u li jaħdmu biex iroddu lura l-għajnuna li rċivew. “Għandna jiġu l-qraba ta’ dawk li ġew bżonn l-għajnuna u jitolbuna biex issa jkunu huma li jgħinu lil ħaddieħor. Caroline hi eżempju ċar ta’ kif noħolqu katina ta’ persuni li jgħinu lil xulxin, u j’Alla l-eżempju tagħha jiħduh oħrajn. Il-poplu għandu jikkopera u jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet, biex il-ġid inkattruh.”

Caroline Schiavone fissret din l-attività bħala riflessjoni ħajja ta’ Jack, li dejjem għaqqad il-passjoni tiegħu għaċ-ċikliżmu mal-valuri tas-solidarjetà u l-ġenerożità.

“L-esperjenza li għaddejna minnha bħala familja urietna li l-Malta Community Chest Fund mhix hemm biss għall-għajnuna finanzjarja li tipprovdi, imma dejjem sibnieha hemm kull meta kellna bżonn bħala familja,” stqarret Caroline.

Min-naħa tagħha Sina Bugeja faħħret “il-mod altruwist li bih qed infakkru l-memorja ta’ Jack Schiavone permezz ta’ din l-attività,” waqt li appellat liċ-ċiklisti u l-familji biex ikunu parti minn Cycling with Jack ta’ din is-sena, b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Ir-reġistrazzjoni għaċ-ċiklisti li jixtiequ jaqdfu mill-Kulleġġ Santa Klara sa Manoel Island u lura tinsab miftuħa u wieħed jista’ japplika fuq is-sit mccf.store.

Dan waqt li l-attività għall-familja kollha, li tibda minn kmieni filgħodu fil-Kulleġġ Santa Klara, hi miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas, għalkemm donazzjonijiet b’risq il-Malta Community Chest Fund huma apprezzati.

L-attivitajiet jinkludu żona għat-tfal, b’roti statiċi li wieħed jista’ jaqdef fuqhom, ċikliżmu għat-tfal f’ċirkwit u taħt is-superviżjoni ta’ professjonisti, kif ukoll basketball u esebizzjoni tar-roti BMX.

Matul il-ġurnata se jkun hemm ukoll uffiċjali tal-LESA, li se jorganizzaw attivitajiet edukattivi intiżi biex jippromwovu s-sigurtà fiċ-ċikliżmu u l-użu responsabbli tar-roti fit-toroq. Dan apparti ikel, xorb, mużika u divertiment varjat.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.