President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Jingħata bidu għal Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni fil-Kastell Verdala

Il-Ġimgħa filgħaxija, fil-Kastell Verdala fetħet uffiċjalment l-attività Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni, b’kunċert mill-Kor San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, b’riflessjonijiet dwar il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Din l-attività unika hi miftuħa għall-pubbliku, u dawk li jattendu jistgħu jaraw artifatti uniċi u ta’ valur storiku importanti, fosthom esebiti li qatt qabel ma kienu esposti għall-pubbliku, u biċċiet tal-arti minn artisti lokali fosthom Antonio Sciortino, Antonio Mifsud, Christ Ebejer u l-familja Camilleri Cauchi.

Bejn illum u għada l-Ħadd, dawk li jattendu jistgħu jgawdu seba’ kunċerti u ħames diskussjonijiet, iżuru l-wirjiet ta’ abbozzi, esebiti, u vestwarju. Se jiġu organizzati wkoll purċissjonijiet, inkluż il-Purċissjoni s-Sewda li qed issir barra l-Birgu għall-ewwel darba fl-istorja, u programmi mużikali kif ukoll il-Purċissjoni Penitenzjali, fost oħrajn. Qed ikunu esebiti wkoll kollezzjonijiet privati ta’ santi u kurċifissi, dokumenti storiċi u biċċiet tal-arti kontemporanja.

Fost l-esebiti hemm ukoll artifatti storiċi u uniċi li jinkludu oġġetti tal-Ġimgħa l-Kbira li jmorru lura sekli, fosthom mill-1784, relikwarju tal-1753, xbigħa użata mill-Kavallieri ta’ San Ġwann waqt il-funzjonijiet tagħhom, u statwi tas-Seklu 19. Qed tiġi esebita wkoll kollezzjoni ta’ kotba, fosthom uħud li kienu jintużaw minn Gran Mastri għat-talb privat.

Dawk li jżuru din l-attività se jkollhom l-opportunità jaraw kif is-swali tal-Kastell Verdala, fosthom is-sala prinċipali mad-dħul fil-Kastell, inbidlu f’xenarji differenti bi statwi ta’ daqs uman, li jinkludu Kurċifiss mill-isbaħ u antik, li jintuża fil-Purċissjoni s-Sewda tal-Birgu.

Qed jinfetħu wkoll żoni tal-Kastell li s-soltu ma jkunux aċċessibbli, inkluż l-istalel ta’ żmien il-Kavallieri fejn qed issir wirja ta’ pitturi tal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn l-istalel imorru lura għall-bidu tal-1700, meta kienu nbnew mill-Gran Mastru António Manoel de Vilhena, u minnhom infushom huma wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.