Skip to content

President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Messaġġ mill-President fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tal-Indipendenza

Fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju minn meta pajjiżna ngħata l-indipendenza u l-poplu tagħna ħa rajh f’idejh, tajjeb li nirriflettu dwar x’fissret l-indipendenza għal Malta, u għalina l-Maltin.

Ir-rilaxx mill-ħakkiem tal-ħakma li kellu fuq il-gżejjer tagħna welled lil Malta Nazzjon. Kienu sittin sena li minkejja rwiefen li setgħu nqalgħu, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra, issarrfu f’titjib fil-ħajja ta’ kuljum tal-poplu – żvilupp fl-ekonomija, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u ħolqien ta’ opportunitajiet f’ħafna oqsma, fejn id-demokrazija li flimkien ħaddimna,issarfet ukoll f’arrikkament tal-kultura ta’ pajjiżna.

Wasal iż-żmien li nieqfu u nirriflettu: il-ġejjieni li rridu nibnu flimkien għal dawk li jitnissluminna qiegħed f’idejna. Dan ifisser illi l-ġejjieni huwa piż fuq moħħna u fuq spallejna, għaliex id-dmir huwa wieħed, li ngħaddulhom pajjiż, sod fil-prinċipji li nemmnu fihom, pajjiż li jfittex li ma jkunx ta’ theddida għall-ebda nazzjon ieħor, u li attivament jaħdem għat-tisħiħ tal-paċi fl-isfera internazzjonali. 

Iżda rridu naraw ukoll illi l-paċi tirrenjafostna. Hemm bżonn li nħarsu lejn il-fatti tal-istorja fil-perspettiva vera tagħhom biex napprezzaw, kif mistħoqq, l-iżvilupp tal-poplu tagħna bħala nazzjon sovran. Il-ħsieb komuni, li fl-aħħar mill-aħħar ilkoll rridu l-ġid lil Malta tagħna u lil uliedha,huwa l-pedament ewlieni li jassigura li flimkien naslu.

Ejjew nirrikonoxxu li minn żmien għal żmien, tajna prova li kapaċi nkunu maturi, nitkellmu flimkien, ngħarblu l-argumenti ta’ xulxin, u nissieltu biex naslu għal dak li jkun l-aħjar għal uliednau għal pajjiżna.

Wasal iż-żmien illi l-avvenimenti storiċi ta’ pajjiżna verament, u b’mod tanġibbli, jgħaqqduna tassew. Jekkdan ma jseħħx, inkunu qed niżżufjettaw bil-ħames festi nazzjonali li għandna. Festi nazzjonali li l-karatteristika ewlenija tagħhom hija li jgħaqqdu nazzjon!

Il-protagonisti prinċipali tal-kisba tal-indipendenza llum għaddew għal ħajja oħra. Ma hemmx lok aktar għall-interpretazzjonijiet li jnisslu firda fost il-poplu fejn jidħol apprezzament reali ta’ kisbietu. Kull darba li r-rappreżentanti tal-poplu fil-Kamra tad-Deputati tagħna jgħaddu liġijiet, kull darba li fuq materji illi setgħu bdew minn kontroversji, iżda minkejja dan, irnexxielhom jaslu fi ftehim biex flimkien emendaw il-Kostituzzjoni ħa tkun strument aħjar tat-tmexxija, dan kien att tal-poplu sovran.

Dak li ma daħalx fil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza fl-1964, iddaħħal wara, tul dawn is-sittin sena, bl-eżerċizzju tas-sovranità li tatna l-indipendenza, bi qbil u kompromessi maturi. Dan oltre istanzi oħra fejn skont il-bżonn u ċ-ċirkostanzi, ir-rappreżentanti tal-poplu illeġiżlaw biex dejjem jirfinaw aktar, id-drittijiet demokratiċital-istess poplu, u l-element demokratiku f’istituzzjonijiet kostituzzjonali biex jirriflettu aħjar l-evolviment ta’ twessigħ tad-demokrazija, u bilanċ bejn il-poteri u l-organi tal-Istat.

Il-liġijiet u l-bidliet legali, biex ikunu effettivi, iridu jkunu aċċettabbli għall-poplu u, fl-aħħar mill-aħħar, aċċettati mill-poplu.

Illum kulħadd jaċċetta li Malta hija Repubblika. Xhieda ta’ dan huwa illi l-kontroversja li kienet qamet dwar interpretazzjoni ta’ kif kellu jsir it-tibdil fil-Kostituzzjoni, meta l-Kamra tad-Deputati kellha quddiemha l-abbozz biex Malta minn Monarkija ssir Repubblika, illum intesiet.

Dan it-tibdil kien possibbli għax konna poplu sovran. Ukoll ir-reviżjoni tat-Trattat tad-Difiża li ġab it-tmiem tal-bażi militari fil-31 ta’ Marzu tal-1979 kien possibbli għaliex konna poplu sovran.

Inżommu quddiem għajnejna wkoll illi sal-indipendenza kellna biss Assemblea Leġiżlattiva, u mhux Parlament.

Ejjew il-kontroversji vojta nitfgħuhom warajna. Għadda żmien biżżejjed biex nikbru. Ejjew nuru li aħna poplu matur, li nħossu u nerfgħu r-responsabbiltà li għandu kull wieħed u waħda minna li flimkien, lill-ulied Malta tal-ġejjieni ngħaddulhom pajjiż aħjar fl-oqsma kollha, u nissuktaw ukoll biex, skont il-Kostitutzzjoni tagħna, u fil-fora internazzjonali, inkomplu bil-ħidma konkreta biex niżirgħu l-armonija u l-paċi fost il-ġnus.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.