President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

The Ball of the August Moon b’risq l-MCCF jirritorna fl-1 ta’ Awwissu

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ The Ball of the August Moon, b’risq The Malta Community Chest Fund, se ssir is-Sibt, l-1 ta’ Awwissu, fil-Kastell Verdala.

Dettalji dwar din l-attività ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kien spjegat kif The Ball of the August Moon ta’ din is-sena se jżomm mat-tradizzjoni ta’ ikel u xorb tal-ogħla kwalità waqt li dawk li se jattendu se jgawdu wkoll divertiment mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, b’repertorju ta’ mużika varjata segwita minn mużika kontemporanja u żfin sa tard bil-lejl.

Meta kienet qed tindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono fissret dan il-Ballu bħala waħda mill-attivitajiet prinċipali li l-iktar irendu fondi neċessarji biex il-Malta Community Chest Fund tkompli taqdi l-missjoni tagħha.

Għalhekk il-President appellat għall-konkorrenza, biex l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun suċċess bħall-edizzjonijiet preċedenti.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata li fakkar kif dan il-Ballu storiku ilu jkun organizzat sa mill-1958, u bħal dejjem se jżomm it-tradizzjoni ta’ livell għoli ta’ kwalità li jagħmel din is-serata waħda memorabbli.

Min-naħa tagħha Sina Bugeja, Chairperson ta’ The Malta Community Chest Fund aċċennat li l-Fondazzjoni tassisti lil dawk kollha li jiġu bżonnha sa mill-mument li jingħataw l-aħbar li huma affettwati mill-mard, kif ukoll lill-qraba tagħhom. Waqt li nnutat li l-Fondazzjoni mhux biss tgħin finanzjarjament imma wkoll psikoloġikament u soċjalment, Sina Bugeja appellat għall-konkorrenza biex jinġabru fondi tant importanti għall-missjoni tal-MCCF.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal ukoll kif is-sena li għaddiet dawk li attendew kellhom sorpriża hekk kif grupp ta’ żeffiena ħolqu żifna li permezz tagħha qajmu mill-ġdid il-leġġenda tal-Blue Lady, li jingħad li tidher fil-Kastell Verdala. Min jaf jekk din is-sena The Ball of the August Moon għandux sorpriża oħra merfugħa għal matul is-serata?

The Ball of the August Moon hu possibbli bl-appoġġ tal-Fond għall-Kawżi Ġusti, Bank of Valletta, Enemed, Heritage Malta, World Learning Limited, Nestle Malta, Multiple Group, Festivals Malta, Sigma, Mapfre MSV Life, Marsovin u Stephen Cordina.

L-Uffiċċju tal-President ta’ Malta jirringrazzja wkoll lill-fotografu Daniel Cilia, li b’mod artistiku u bit-talent tiegħu tal-fotografija se joħroġ is-sbuħija tal-Kastell Verdala f’booklet kommemorattiva li se jitqassam matul is-serata.

Ringrazzjament ukoll lill-Korp tal-Pulizija, u lill-Forzi Armati ta’ Malta li minbarra li se jkunu parti mis-serata, se jkunu qed jassistu wkoll bis-sigurtà u l-immaniġġjar tat-traffiku.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.