Il-Ball of the August Moon ta’ din is-sena, b’risq il-Malta Community Chest Fund, se jsir nhar is-Sibt 9 ta’ Awwissu, fil-Kastell Verdala.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, spjegat il-ħidma li għaddejja biex dawk li jattendu għal din l-attività storika jgawdu esperjenza unika.
“Se nagħtu libsa ġdida lill-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ball of the August Moon, introduċejna kunċetti ġodda u se jkollna wkoll sorpriża għal dawk li jattendu,” ħabbret il-President.
Waqt li aċċennat għall-ispettaklu li għal sena oħra se toffri l-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll divertiment mill-Big Band Brothers, il-President fakkret li l-għan ewlieni ta’ din l-attività hi li jinġabru fondi b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.
Il-President innutat li “l-ispejjeż tal-kura qed jogħlew b’mod tremend, f’xi każi qed jaqbżu l-€100,000 u dawn iċ-ċifri huma moderati ħdejn ċertu istanzi fejn l-ispiża li taffaċċja l-Malta Community Chest Fund taf tkun ukoll akbar.”
F’dan l-isfond, waqt li rringrazzjat lill-isponsors, il-President appellat għall-konkorrenza tal-pubbliku biex il-Malta Community Chest Fund tkun tista’ tkompli tgħin lil dawk kollha li jitolbu l-għajnuna tagħha.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, Sina Bugeja, u ċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata.
Dan il-ballu storiku ilu jkun organizzat sa mill-1958, u matul is-snin għen lil diversi għaqdiet li ħadmu fis-soċjetà Maltija. Mill-edizzjoni tal-1971, li saret ftit ġimgħat qabel il-ħatra ta’ Sir Anthony Mamo bħala l-ewwel President ta’ Malta, il-ballu beda jiġi organizzat b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Il-biljetti għall-edizzjoni ta’ din is-sena huma disponibbli fuq is-sit augustmoonball.com, jew billi ċċempel fuq 22053500.