Skip to content

President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Titnieda l-ewwel edizzjoni ta’ ‘The 10km L-Istrina Palace Run’

Inizjattiva ġdida b’risq il-Malta Community Chest Fund bl-isem L-Istrina Palace Run se tlaqqa’ lill-atleti minn madwar Malta u Għawdex għal maratona li fuq perjodu ta’ erba’ snin se tkun inkorporat fiha it-tliet Palazzi Presidenzjali.

L-ewwel parti ta’ din il-maratona, ‘The 10km L-Istrina Palace Run’, se ssir nhar il-Ħadd 15 ta’ Ġunju u ser tkun mill-Kastell Verdala sal-Palazz Sant’Anton.

Fi tmiem kull edizzjoni se jitqassmu midalji li flimkien se jgħaqqdu sett, bħala memorja storika li tirrappreżenta l-għaqda, il-perseveranza u l-impatt kollettiv, u tkun xhieda tal-ġenerożità ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Dan minbarra premjijiet lill-ewwel tliet atleti fil-kategoriji rispettivi tagħhom.

Din l-inizjattiva, li nibtet minn idea tal-Maġġur Richard Vassallo, se tiċċelebra wkoll il-wirt kulturali Malti waqt li jinġabru fondi importanti b’risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono, fissret din l-inizjattiva ġdida bħala parti minn kullana ta’ attivitajiet li permezz tagħhom dawk kollha li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund ikunu megħjuna.

Il-Maġġur Richard Vassallo spjega li kien ilu jinħass il-bżonn li l-atleti jkollhom maratona ddedikata għalihom, li tikkumplimenta imma tkun inizjattiva separata mill-Mixja mal-President.

Fl-istess waqt innota li din il-maratona qed tkompli ssaħħaħ il-kultura u l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku fost il-Maltin u l-Għawdxin.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Joseph Micallef, veteran fl-organizzazzjoni tal-maratoni, li spjega kif ingħatat attenzjoni partikolari biex din il-maratona tilħaq l-ogħla standards, tant li parti minnha se tgħaddi minn rotot tal-Maratona ta’ Malta.

Ir-rotta saret ukoll bil-ħsieb li tkun adattata mhux biss għall-atleti, imma wkoll ġerrejja każwali u dawk li jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza fl-istess waqt li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-ħafna persuni li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund.

L-applikazzjonijiet għal dawk interessati li jieħdu sehem f’din il-maratona jinsabu miftuħa fuq is-sit maltamarathon.com.

Il-maratona qed issir bl-appoġġ tal-Fond għall-Kawżi Ġusti, u l-isponsorship ta’ Eurosport.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.