L-Erbgħa, 28 ta’ Jannar, żewġ Ambaxxaturi residenti u Kummissarju Għoli mhux residenti ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
- L-Eċċellenza Tagħha Stella Bezirtzoglou, Ambaxxatriċi għar-Repubblika Ellenika;
- L-Eċċellenza Tagħha Miriam Álvarez de la Rosa Rodríguez, Ambaxxatriċi għar-Renju ta’ Spanja;
- L-Eċċellenza Tagħha, Thandazile Penelope Mbuyisa Kummissarju Għoli għar-Renju tal-Eswatini.
Matul il-laqgħa mal-Eċċellenza Tagħha, l-Ambaxxatriċi tal-Greċja esprimiet il-pjanijiet biex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bilaterali, b’mod partikolari, fl-oqsma kulturali. Minn naħa tagħha, il-President tkellmet dwar l-importanza tas-solidarjetà fost stati li huma impenjati li jiddefendu d-dritt internazzjonali, b’enfasi fuq il-ħtieġa għal rikonoxximent akbar tal-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea, u l-isfidi fir-reġjun tal-Mediterran.
Minn naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi għar-Renju ta’ Spanja tkellmet dwar kif Malta u Spanja għandhom għeruq storiċi komuni, u enfasizzat li fil-preżent jaqsmu l-istess viżjoni favur il-promozzjoni tad-demokrazija u l-liġi internazzjonali fi żmien meta l-kumplessitajiet u l-isfidi globali qed jiżdiedu.
Il-President ta’ Malta laqgħet l-impenn sħiħ tal-Ambaxxatriċi biex iż-żewġ pajjiżi jibqgħu jaħdmu ħalli jkabbru s-sisien tar-relazzjonijiet bilaterali u wkoll ikun hemm politika Mediterranja aktar b’saħħitha. Irrikonoxxiet ukoll il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni f’fora internazzjonali, fosthom fin-Nazzjonijiet Uniti u fl-Unjoni Ewropea li tagħhom sew Spanja kif ukoll Malta huma membri.
Il-Kummissarju Għoli tar-Renju tal-Eswatini semmiet kif pajjiżha huwa lest li jesplora opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tan-negozju hekk kif il-pajjiż beda proċess ta’ diversifikazzjoni kummerċjali li rat żieda fl-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea.
Minn naħa tagħha, l-Eċċellenza Tagħha għarfet li hemm opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, edukazzjoni, turiżmu u skambji kulturali, kif ukoll kollaborazzjoni aktar mill-qrib f’fora internazzjonali fosthom fil-Commonwealth.
Il-President Spiteri Debono ferħet lill-Ambaxxaturi u lill-Kummissarju Għoli għall-ħatra tagħhom.