L-E.T. il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono laqgħet lill-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport Glenn Micallef għal laqgħa ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Waqt il-laqgħa ġie diskuss il-portafoll tal-Kummissarju Ewropew Malti, Glenn Micallef, li tkellem dwar l-isfidi primarji u l-prijoritajiet tal-mandat tiegħu, filwaqt li ffoka fuq l-importanza li jinstemgħu l-ħsibijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ u jitwassal is-sentiment tagħhom. Il-Kummissarju Micallef qal li dan huwa importanti speċjalment fis-sitwazzjoni ġeopolitika preżenti hekk kif fakkar li t-tfal u ż-żgħażagħ huma dawk l-aktar affettwati mill-kunflitt, anke jekk ma jġorru ebda responsabbiltà tiegħu.
Il-Kummissarju rrefera għal inizjattivi bħal Youth Check, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea tanalizza kull inizjattiva ġdida li timplimenta u tikkunsidra l-impatt tagħha fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Tkellem ukoll dwar l-importanza tas-sigurtà onlajn, u l-effetti li għandu s-cyberbullying fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Dwar dan, il-Kummissarju Ewropew qal li beda l-proċess biex jiġi analizzat aħjar l-effett u l-impatt tal-midja soċjali fuq it-tfal u ż-żgħażagħ u mezzi alternattivi ta’ rikreazzjoni, bħal kultura u l-isport.
Min-naħa tagħha, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono irrikonoxxiet l-importanza tal-portafoll tal-Kummissajru Ewropew Malti, u fissret ix-xogħol tiegħu bħala importanti minħabba li jinkludi fih fergħat differenti ta’ problemi attwali għaċ-ċittadini, li huwa kruċjali għal futur tal-ġenerazzjonijiet futuri. Hija saħqet dwar l-importanza li ż-żgħażagħ ikunu involuti fil-ħajja ċivika b’mod attiv, kemm f’Malta, kif ukoll madwar l-Ewropa kollha, u anke li nifhmu kif iż-żgħażagħ iħarsu lejn l-Unjoni Ewropea.
Fit-tmiem il-laqgħa, l-E.T. il-President Myriam Spiteri Debono awgurat lill-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef aktar ħidma pożittiva.