Skip to content

President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza l-konferenza SkillScape organizzata min-National Skills Council

L-affarijiet li semma’ Dr Pullicino Orlando, dwar x’qiegħed jara u fuq xiex qed jiffoka l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet huma neċessarji għas-soċjetà fil-ħajja tal-lum, kemm għas-soċjetà tagħna imma huma ħiliet neċessarji wkoll globalment.

Fis-soċjetà tagħna importanti ħafna, u jiena ngħid illi l-istess ċokon tagħna huwa vantaġġ f’sitwazzjoni bħal din, għax fiċ-ċokon li għandna nistgħu nilħqu il-ħafna rkejjen b’mod aktar wiesa’.

Nirringrazzja lil Dr Jeffrey Pullicino Orlando u lit-tim tiegħu illi għamluli din l-istedina u jidhru illi daħlu b’mod intens ħafna f’din il-ħidma fejn qed jippruvaw jiċċaraw is-sitwazzjonijiet u juru toroq li għandhom x’jaqsmu ma’ kif illum hemm bżonn jiġu żviluppati ħiliet biex inkunu qegħdin għaddejjin pass pass ma’ żviluppi li qed ikun hemm anke fit-teknoloġija, partikolarment fil-komunikazzjoni.

Qegħdin ngħidu li qiegħed ikun hemm nuqqasijiet, ‘gaps’, fil-mod kif wieħed jirreaġixxi u jaħseb. Dan ifisser li f’pajjiżna rridu nibdlu wkoll id-dinamika ta’ kif ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Meta nqisu l-bidliet nifhmu li jinvolvu elementi ta’ assimilazzjoni li rridu nidraw u nitgħallmu nħaddmuhom. Jekk ma nkunux lesti li nilqgħu dawn it-tip ta’ bidliet, iċ-ċans hu li saħansitra anke ninqatgħu mill-kumplament tad-dinja u anke minn dak li jista’ joffrilna l-futur.

Il-progress fit-tkabbir ekonomiku bħal dak li Malta kellha tul l-aħħar snin iġib miegħu wkoll bżonn biex jimtela vojt fis-suq tax-xogħol li jista’ jsir biss jekk individwu jkun lest li jitgħallem jikseb u jħaddem ħiliet ġodda, u dan il-proċess għandu jkun ongoing. Jekk dan ma jseħħx, naraw il-ħolqien ta’ vojt fil-ħiliet, ikollna skills gap li kulma jmur tibda tinħass u tibda tiżdied fid-diversi setturi.

F’Malta, il-proċess anke ta’ dan il-Kunsill huwa parti mill-preparamenti għall-qabża ta’ kwalità li jmiss fl-impjiegi u fix-xogħol marbuta ma’ dawk li qed jissejħu mega trends li jinkludu ambjent sostenibbli u bidla qawwija fl-iżvilupp teknoloġiku. Jekk dan ma jseħħx, hemm ċans illi dan jolqot bil-qawwi u b’mod ħażin lill-ekonomija tagħna kif ukoll l-ambizzjonijiet tagħna ‘l barra minn xtutna.

Il-kunċett ta’ tagħlim matul il-ħajja huwa l-aqwa mod biex wieħed jevita li jinqata’ minn proċess rapidu li naffaċċjaw fil-pajjiż. Dan ifisser li l-perjodu ta’ żmien li matulu wieħed jista’ jakkumula ħiliet jew prattiċi ġodda ġie estiż b’mod radikali b’tali mod li l-aċċess għall-istituzzjonijiet edukattivi jibqa’ disponibbli u relevanti sa etajiet kbar. Jien qed ngħid li dan il-proċess irid jibqa’ sal-mewt għaliex l-aġġustamenti jridu jsiru b’mod kontinwu.

Biex inti tibqa’ taġixxi, speċjalment bil-mod illi qed iseħħu bidliet madwarna, lil uliedna fl-iskejjel ukoll irridu ngħallmuhom ix-xjenza tal-ħsieb.

Mhux kulħadd jitwieled bid-don naturali illi kapaċi jaħseb b’mod sistematiku jew inkella b’mod illi jkun ordnat. U aħna, fl-aħħar mill-aħħar, kellna l-aqwa wieħed fid-dinja rikonoxxut illi ħareġ mad-dinja kollha illi dan l-iskill tal-ħsieb tista’ tiġi mgħallma fl-iskejjel.

Liż-żgħar irridu naraw illi nattrezzawhom għall-futur, u nemmen li x-xjenza tal-ħsieb miċ-ċokon, kif fuq kollox nediha u żviluppaha l-Professur Edward Debono, għandha ssib postha fl-iskejjel tagħna mill-kindergartens ‘il fuq.

Irid ikun hemm ir-reżiljenza fil-ħaddiema tagħna. Irid ikun hemm il-kreattività. Għax mhux l-ewwel darba, u dan ma nistgħux ngħidu biss illi huwa fid-dinja tax-xogħol imma anke fil-ħajja personali, li għandek ir-rabta bejn il-ħajja personali u d-dinja tax-xogħol.

Kull wieħed u waħda minna, il-problemi li jkollu fil-ħajja personali, ħafna drabi mhux dejjem u mhux kulħadd ikollu dik id-dixxiplina jew forsi jkunu tant kbar li ma nistgħux naqtgħu linja u x’ħin ħriġna mid-dar nagħlqulhom il-bieb u ma nġorruhomx magħna. Allura anke s-self-discipline ta’ kif inti tikkonċentra moħħok fuq dik il-ħaġa li għandek quddiemek hi importanti.

Apparti dan, il-komunikazzjoni, anke fejn jidħlu s-sistemi ta’ kummerċ u negozju minn pajjiż għall-ieħor, il-problemi li s-sitwazzjoni internazzjonali tpoġġi wkoll fuq il-kummerċ, irid ikollna nies illi jkunu mħarrġa u attrezzati għal kif għall-problemi jsibu s-soluzzjonijiet fil-livelli kollha tal-ħajja li jolqtu lill-bniedem sew personalment u wkoll skont dik il-linja li huwa minnha jaqla’ l-għajxien. Għaliex huwa lkoll kemm aħna, il-kollettività tal-individwi, li tagħmel is-soċjetà. Il-kollettività tal-individwi li minnha joħroġ il-ġid u jitnissel il-ġid li jkollu l-pajjiż.

L-ikbar asset li għandu pajjiżna huma niesna. U għandna, iva, problema demografika. Din il-problema ma jistax ikun li nibqgħu nparlaw fil-vojt dwarha. Jekk hemm tip ta’ xogħol, lesta li mmur nagħmlu jien jew għandi bżonn illi spalla ma’ spalla miegħi fit-tkattir tal-ġid ekonomiku u biex is-servizzi f’pajjiżi jilħqu liċ-ċittadini kollha u nibqgħu nagħtuhom, naqsmu dan spalla ma’ spalla ma’ nies oħra?

Irridu nkunu ċari fuqhom għaliex dik ukoll hija parti mir-rikonoxximent, mir-realizzazzjoni ta’ x’inhi s-sitwazzjoni reali li qegħdin ngħixu. Il-fatt illi hawn il-ħaddiema barranin hija parti mis-soluzzjoni u parti mill-mod kif problemi li kien se jkollna, u li jaf ser nibqgħu niffaċċjaw bin-nuqqas ta’ twelid li qiegħed ikollna, nistgħu nsolvuhom. Imma rridu nimxu wkoll mil-lat uman u mil-lat soċjali.

Għandek ukoll affarijiet oħra li rridu naraw u nieħdu ħsiebhom għaliex din ukoll se naffaċċjawha u għandna niftħu għajnejna għaliha.

Jiena dort ħafna skejjel. F’dawn l-iskejjel qed insibu taħlita ta’ tfal tal-Maltin u tfal ta’ dawn il-ħaddiema barranin li qegħdin hawn jissupplimentaw fejn aħna b’niesna m’għandniex biżżejjed għal ċerta setturi. Dawn qed jitrabbew spalla ma’ spalla mat-tfal tal-Maltin. Hemm minnhom illi twieldu hawn, hemm ġenituri li ilhom hawn 6, 7, 10 snin regolari bħala ħaddiema. Dawn it-tfal, la jagħlqu t-tmintax-il sena se jkollhom dritt illi anke bil-proċess ta’ naturalizzazzjoni se jkunu huma wkoll ċittadini ta’ Malta. Jiġifieri l-mindset tal-Maltin irid ikun ippreparat li dawn huma ċittadini daqsna.

U l-iktar ħaġa importanti dejjem hija li rridu nżommu quddiem għajnejna li t-tibdil qed ikun mgħaġġel ħafna. Aħna bħala n-nies li se nkomplu nħaddmu dak it-tibdil ta’ madwarna rridu nkunu lesti biex jekk jista’ jkun nippreveduh qabel ma jasal.

Inħoss li l-Presidenza għandha tagħti dan il-messaġġ: Tafu x’hemm bżonnijiet u fejn irridu naslu bħala pajjiż, u nawgura suċċess lilkom u lil dawk l-istituzzjonijiet l-oħra illi magħhom taħdmu id f’id għall-ġid ta’ pajjiżna.

Jidher illi l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, fis-sentejn li ilu mwaqqaf, ingrana sew fl-għanijiet li għalihom inħoloq.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.