President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Diskors mill-President fil-ftuħ tas-St Michael’s Hospice Malta

Ninsab kuntenta li qiegħda magħkom ilkoll illum f’din l-okkazzjoni tal-ftuħ uffiċjali tas-St Michael’s Hospice.

Nifhem u napprezza s-sodisfazzjon tagħkom li din il-binja, b’dak kollu anċillari għaliha wara ħafna snin ta’ sagrifiċċji u xogħol, tinsab lesta u kompluta u ser tibda testendi aktar is-servizzi importanti li jagħmlu d-differenza fil-ħajjiet ta’ mijiet ta’ persuni u tal-familji tagħhom, li isibu ruħhom f’ċirkostanzi li jirrikjedu sostenn.

Kull sena, il-Hospice tilqa’ fi ħdana ’il fuq minn 1,500 pazjent li jsofru minn mard serju bħall-kanċer, motor-neuron diseases u mard li jaffettwa l-pulmun, il-kliewi u l-fwied.

Tul il-ħamsa u tletin sena ta’ attività’, sa’ mit-twaqqif tagħha fl-1989, il-Hospice Malta kienet hemm għas-sapport ta’ individwi li għaddejjin minn mumenti diffiċli f’ħajjithom minħabba problemi ta’ saħħa.

Il-Hospice Malta hija marbuta mal-valuri tas-solidarjetà, tal-faraġ, u fuq kollox tat-tama; tama li tiġi konvertita f’serħan mill-piżijiet fiżiċi li jaħkmu lill-pazjenti li jkunu qed iġorruwhom, u minn piżijiet psikoloġiċi li anke jaħkmu lill-familji tagħhom.

U dan isir kollu mingħajr ebda piż ta’ ħlas fuq il-pazjent jew il-familja tiegħu.

Naf kemm iżżommu fuq quddiem tal-viżjoni u l-ħidma tagħkom, id-dinjità, li f’mumenti ta’ tbatija, tkun bżonjuża sabiex il-pazjent ma jħossux mwarrab u b’mod speċjali, ma jħossux mormi.

Il-kura paljattiva, hija kura multi dimensjonali u tinkludi fiha mezzi diversifikati li jiffukaw mhux biss fuq l-kura medika, li issa anke ser tibda’ tingħata f’ambjent aktar attrezzat, iżda tinvolvi wkoll l-elementi umani tal-empatija, l-ġenerożita’, u l-għożża.

B’hekk, apparti l-vjaġġ li jimbarka fih il-pazjent flimkien mal-familja tiegħu fir-rigward tal-mard li jkun isofri minnu, il-pazjent u l-familja tiegħu fil-Hospice isibu wkoll l-appoġġ emozzjonali u psikoloġiku, li huwa importanti daqs il-kura f’din il-mixja.

Tul is-snin il-Hospice Malta evolviet b’mod dinamiku. Permezz ta’ dan l-investiment fis-St Michael’s Hospice, is-servizzi twessgħu sabiex jipprovdu sostenn sew għal in-patients kif ukoll outpatients.

Opri bħal dawn ma jsirux mil-illum għal għada. Konvinta li wara dan il-proġett kien hemm il-ħidma ta’ għexieren ta’ voluntiera li ta’ kuljum kienu ta’ wens għall-operat u l-klijenti tal-Hospice Malta.

Bil-ħin, l-enerġija u l-kompassjoni li tajtu u tagħtu b’mod volontarju lil min hu fil-bżonn, intom il-voluntiera qegħdin tkunu raġġ ta’ tama ma dawk li l-mard u ċ-ċirkostanzi li jġib miegħu għamluhom vulnerabbli.

Wieħed irid isemmi wkoll li minbarra l-kura eċċezzjonali li ser tkun qed tingħata hawnhekk, il-ħidma tal-Hospice Malta ser tkun qed testendi ruħha wkoll permezz ta’ tagħlim li jilħaq kemm l-istaff kif ukoll lill-istudenti ta’ professjonijiet mediċi u anċillari f’livell undergraduate u anke post-graduate.

B’dan il-mod, is-servizz li jingħata jibqa ta’ kwalita’ għolja u jibqa’ jiġġedded maż-żmien.

Nirrikonoxxi l-impatt pożittiv tal-ħidma tagħkom fis-soċjetà tagħna. Ix-xogħol li jsir minnkom huwa prova konkreta tas-sensiela ta’ valuri ġenerużi li jħaddan il-poplu Malti.

Bl-isforzi tagħkom fi ħdan il-Hospice Malta, qed terfgħu xi ftit mill-piż li għandhom mijiet ta’ familji għaddejjin minn tbatija.

L-eżempju tagħkom irawwem kuxjenza fost iż-żgħażagħ tagħna biex ikomplu dak li qed tagħmlu intom, u tħeġġuhom ifittxu karriera fis-settur tal-kura paljattiva.

Proġett u investiment bħal dan iservi wkoll biex jinforma lill-pubbliku bil-ħtieġa tal-kura paljattiva b’ċerta mard, speċjalment dak terminali. Din l-informazzjoni hija neċessarja biex diskussjonijiet dwar suġġetti etiko-mediċi jkunu mgħarbla profondament u bis-serjetà.

Insellem il-ħidma tal-professjonisti kollha fis-settur u magħhom lil dawk il-voluntiera li jagħtu parti minn ħajjithom. Permezz tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħkom, il-pazjent jista’ jkompli jgħix b’dinjita’ u b’serħan il-moħħ li hemm xi ħadd dejjem lest li jgħinu.

Nirringrazzja wkoll lill-amministrazzjoni tal-Hospice Malta, lis-Sinjura Bernadette Bonnici Kind u lis-Sur Kenneth Delia li flimkien mat-tim abbli tagħhom, qed jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ minn jirrikorri għas-servizz tal-Hospice. Napprezza t-tenaċita tagħhom, il-mod sħiħ li bih emmnu f’dan il-proġett u l-ħidma u s-sagrifiċċji li għaddew minnhom biex dan il-proġett sar realtà.

Persważa li minkejja li ż-żieda sostanzjali fid-domanda għall-użu tas-servizzi tagħkom, il-Hospice ser jibqa’ jieħu ħsieb lil dawk li jersqu għall-għajnuna bl-għożża u bl-imħabba li l-Hospice taf toffri f’mumenti kritiċi fil-ħajja tan-nies.

toggle icon
President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.