Nibda billi nirirngrazzja lill-1,064 membri tal-pubbliku li aċċettaw li jiedħu sehem fl-istħarriġ li jikatta dan l-eżerċizzju annwali li issa daħal fil-ħames sena tiegħu.
L-istħarriġ, bħal fis-snin preċedenti, fl-ewwel parti, tlettax-il taqsima tfittex li tgħarrex varjanti wkoll jekk minimi, li jkunu qed jevovlu fuq temi li minn sena għall-oħra nżammu preżenti permezz tal-mistoqsijiet li tpoġġew lil parteċipanti. Issa li dħalna fil-ħames sena, ninsabu f’pożizzjoni illi għandna stampa fuq ħames snin li tagħti stampa aktar mifruxa dwar id-diversi tibdil fix-xejriet ta’ aspetti ta’ ħajjitna.
Bħala eżempji ta din, fittixt li nislet dawk l-istanzi fejn f’ħames snin, jiġifieri fl-istħarriġ tal-2025, kien hemm differenza ta 8% jew aktar meta mqabbla mas-sena 2021, u dan qed nagħmlu għaliex it-tendenzi u/jew tibdil jidhru aktar ċari, u fil-fehma miżera tiegħi, joħroġ aktar fiċ-ċar, il-validità ta’ dan l-eżerċizzju annwali.
Meta l-lenti tal-istħarriġ staqsiet dwar l-istat ta’ ħajja kurrenti u l-futur, ninnota tnaqqis drastiku f’dawk li jippjanaw ħajjithom: filfatt, meta fl-2021, kien hemm hemm mal-71% li qalu li jippjanaw ħajjithom, dan in-numru naqas għall-49.2% fl-2025, tnaqqis ta’ 21.8%, bl-akbar ammont ta’ tnaqqis jiġi reġistrat fost persuni bejn is-26 u l-35 sena.
Rigward livell ta’ kuntentizza, jidher li dan is-sentiment baqa’ jiżdied fost l-poplu Malti u Għawdxi, b’żieda ta’ 11.4% meta mqabbla mar-riżultati miksuba fl-2021. Interessanti li l-Għawdxin, huma l-atkar kuntenti bil-ħajja kurrenti tagħhom, bi 82.8%.
Meta affaċjat b’għażliet importanti fil-ħajja, il-poplu jidher li għadu jżomm lill-membri tal-familja bħala ċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, iżda li mmarka tnaqqis ta’ 6.2% meta mqabbel ma’ ħames snin ilu. Id-differenza perċentwal jidher li rriflettiet ruħha f’żieda ta’ 2% għal dawk li jirrikorru għand ħbieb għal xi parir.
L-ottimiżmu, bħall-kuntentizza, jidher li qed ikompli jiżdied: filfatt wieħed josserva żieda f’dawk li qalu li jaħsbu li ħa jkunu qed jgħixu ħajja aħjar fi żmien sena, b’żieda radikali ta’ 16.6% fuq ħames snin.
Ma’ dan ukoll inżid ukoll is-sentiment finanzjarju, fejn 10.6% raw bidla għalll-aħjar fil-qagħda finanzjarja tagħhom meta mqabbel mal-2021.
F’pajjiżna, il-moralità reliġjuża tidher li għadu jkollha effett b’saħħtu fuq il-popolazzjoni, anke meta jittieħdu xi deċiżjonijiet dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin. Dan, iżda, biż-żmien ukoll jidher li l-influenza qed tonqos, anke minħabba li ġie reġistrat 9.1% ta’ tnaqqis meta mqabbel mal-2021 għal dawk li jemmnu bis-sħiħ fir-relevanza tar-reliġjon f’dawn id-deċiżjonijiet.
Meta nħarsu lejn elementi ta’ nazzjonalità, l-istħarriġ jagħti perspettiva interessanti ħafna meta staqsa jekk l-individwi xtaqux li twieldu u trabbew f’pajjiż ieħor. Minkejja li l-maġġoranza wieġbu li ma jixtiqux li twieldu f’pajjiż ieħor, in-numru ta’ dawk li ġew mistħarrġa li qalu li xtaqu żdied b’mod konsiderevoli meta mqabbel mal-2021.
In-numri raw żieda ta’ 16.7%, bl-aktar grupp li jħossu dan is-sentiment huwa ta’ bejn is-36 u il-45 sena, u warajh bejn is-26 u il-35 sena. Dawn huma notamenti interssanti, anke meta l-perċezzjoni hija li huma ż-żgħażagħ l-aktar li jmorru u jfittxu xtut oħra, u skond is-sondaġġ, il-grupp taż-żagħżagħ huwa dak ta’ bejn is-16 u il-25 sena.
Meta nħarsu lejn l-identita tagħna, il-lingwa tibqa’ element importanti ħafna. Il-Malti jibqa’ il-lingwa primarja preferuta, minkejja tnaqqis fl-użu tal-Malti ta’ 7.5% fuq ħames snin.
Qed niġbed l-attenzjoni għal dan għaliex għalkemm il-varjazzjoni hija anqas minn 8%, l-ilsien Malti huwa element essenzjali minn dak li jiddistingwina bħala poplu.
Punt importanti, preżenti fl-edizzjonijiet kollha tal-istħarriġ jirrifletti s-sentiment tal-poplu tagħna, lejn il-politika.
Ir-riżultati li joħorġu mill-istħarriġ huma interessanti għaliex fihom x’tomgħod.
Fost l-oħrajn, naraw kif qed naraw tnaqqis ta’ 17.5% f’dawk in-nies li jħossu li l-politika hija importanti f’ħajjithom, meta mqabbel ma’ riżultati fl-2021.
Naqas ukoll l-effett tal-partiti politiċi fuq l-opinjonijiet: dan meta rajna 16.9% tnaqqis.
Tnaqqis ġie reġistrat ukoll fuq il-lealta’ marbuta ma’ partit politiku wieħed, fejn, meta mistoqsija jekk hux dejjem ivvutaw lill-istess partit, ġie reġistrat tnaqqis ta’ 18.5% meta mqabbel mal-2021, u bl-istess mod, żieda ta’ 14.7% ta’ dawk li jaħsbu li ser jivvutaw għal partit ieħor fil-futur.
Minkejja konsistenza tul l-aħħar ħames snin fuq jekk l-individwi mistħarrġa jidentifikaw ma’ partit politiku skond l-ideat tagħhom, rajna tnaqqis ta’ 10.8% ta’ dak li jħossu rabta profonda bejn l-ideat tagħhom u l-partit li jidentifikaw miegħu.
Hemm żieda ta’ 4.9% meta mqabbel mal-2023, ta’ dawk li qed jgħidu illi lesti li jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss. Dan dehrli illi għandu element li għandu jiġi nnotat partikularment, meta wieħed isemmi perċezzjoni li teżisti hemm barra, illi qed tiżdied l-astensjoni fl-elezzjonijiet.
Rigward l-midja, u kif l-aħbar tasal għand il-poplu, l-istħarriġ juri biċ-ċar kif l-aħbarijiet żiedu ir-rilevanza tagħhom tul din l-aħħar sena, b’żieda ta’ 11.6% fost dawk li jaħsbu li l-aħbarijiet li jikkonċernawhom ħafna.
Interessanti jibqa’ l-fattur ta’ b’liema mezzi tasal l-aħbar għand in-nies, bil-maġġoranza assoluta jutilizzaw il-pjattaforma soċjali, primarjament Facebook, biex jaqraw l-aħbarijiet.
Il-firxa ta’ l-użu tal-midja soċjali jiġi sostnut anke meta nitfgħu għajnejna fuq id-diskussjoni ta’ dak li għaddej fil-pajjiż, bit-tnaqqis sostanzjali ta’ 11.3% mill-2021 ta’ dawk li jippreferu jagħmlu dan wiċċ imb’wiċċ.
L-erbatax-il parti titratta l-edukazzjoni u t-tema tal-edukazzjoni li ġiet mgħarbla aktar kmieni illum. Aħfruli li mill-ewwel ser niffoka fuq il-fatt li ħassejt li d-diskussjoni ma tatx importanza lit-tema tal-inklużjoni – dan huwa aspett importanti fejn jidħol il-preparament ta’ min jirrikjedi għajnuna speċjalizzata, biex ikun parti mid-dinja tax-xogħol u ċittadin attiv.
Fl-aħħar mill-aħħar f’pajjiżna, ilkoll naqblu fuq li kulħadd għandu jkun mgħejjun biex ma jibqax lura, u l-edukazzjoni ma tkunx qed tilħaq l-għanijiet tagħha jekk ma tirriżultax f’ċittadini preparati biex jilħqu, mhux biss il-milja tat-talenti tagħhom, iżda wkoll li jkunu attivi ċivikament – ċittadini attivi, b’kapaċità li jagħżlu u jiżnu, jiddixxernawu jikkontribwixxu għall-iżvilupp fil-pajjiż b’mod wiesgħa – soċjalment, ekonomikament għal preżent u għal futur.
Importanti illi l-edukazzjoni tkun taħseb, tilqa’ u fuq kollox tipprovdi għall-isfidi li l-avvanzi teknoloġiċi ser joħolqu fid-dinja tax-xogħol.
Mhux li nbeżżgħu n-nies li xogħolhom ser ikun għadda żmienu, u din qed tissemma sew f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta, iżda li fil-poplu tagħna, f’kull eta’, f’kull kategorija u kapaċità, ikollna l-faċilitajiet u l-istrutturi biex niżviluppaw f’niesna, ħiliet b’mod aktar intensiv, u tkun inkuraġġita it-tendenza kreattiva naturali li għandu l-esseru uman.
Il-kreattività, il-ħolqien tal-ġdid, il-kapaċità inventiva, l-innovazzjoni fit-tidwir tal-ħsieb, jibqgħu kwalitajiet tal-bniedem li fl-aħħar mill-aħħar ipoġġuh ’il fuq mit-teknoloġija li ħassell u żviluppa l-bniedem stess.
Għarfien illi t-teknoloġija hija l-għodda li ħoloq u żviluppa l-bniedem biex tgħinu – il-kunċett huwa l-istess bħal meta l-bniedem ħoloq ir-rota u żviluppa l-użu tagħha; skopra l-gravità, u wasal għall-avjazzjoni; skopra s-sinjali tar-radju u żviluppahom ħa jservuh.
Nirrikonoxxi, illi f’pajjiżna qiegħdin naħsbu kif nilqgħu għal dawn l-isfidi – Naċċenna għall-viżjoni u l-pjan direzzjonali li jirriżulta fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet.
Fl-Università ta’ Malta wkoll, l-Università Nazzjonali, qed jinħoloq enfasi fuq teknoloġiji emerġenti biex ikun hemm sinerġija bejn il-pedagoġija u żviluppi teknoloġiċi fid-dinja tax-xogħol.
Ikolli ngħid illi il-ġurnata tal-illum tatna ħafna x’nomgħodu; Ħafna fuq hiex u fiex naħsbu, ħa nwettqu futur aħjar.
Inrodd ħajr lill-kelliema esperti li taw il-kontribut tagħhom tul id-diskussjonijiet ta’ dan il-jum, u ma nħallix barra u ninkludi ż-żgħar li tawna l-veduti tagħhom, nirringrazzja wkoll lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni li għalqu s-sensiela ta’ diskussjonijiet u taħdidiet.