President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Diskors mill-President waqt is-serata tal-unur Premju Anzjanità Attiva

Ninsab hawn fostkom illejla sabiex flimkien bħala nazzjon nonoraw lill-anzjani tagħna, biex nirikonoxxu l-kontribuzzjonijiet tagħhom fis-soċjetà, u wkoll nagħtu ġieħ lill-entitajiet, għaqdiet u individwi li jappoġġjaw il-kunċett tal-anzjanità attiva.

Dan l-avveniment huwa xhieda ħajja li meta nixjieħu ma jfissirx li niritraw, li nċedu l-armi, għaliex sakemm inżommu ruħna f’saħħitna, fiżikament, mentalment u emozzjonalment, kull wieħed u waħda minna għadna nistgħu nkunu ta’ kontribut fil-komunitajiet tagħna.   

Dan l-ispirtu rajnih, fost l-oħrajn illejla, fl-esperjenzi ta’ dawk li ġew nominati, u b’mod speċjali tal-koppja Jeanpierre u Iliana Azzopardi, rebbieħa tal-Premju Anzjanità Attiva għal din is-sena, li minkejja li llum il-ġurnata pensjonanti, qed jagħtu ħinhom b’mod volontarju billi waqqfu grupp f’Tal-Ibraġġ biex l-anzjani ta’ din il-komunità jżommu ruħhom attivi, qed ikunu ta’ sostenn għall-oħrajn u jbegħduhom mid-dwejjaq tas-solitudni, li ħafna drabi, kull ma’ jmur, qed tkun id-destin ta’ ħafna anzjani fil-pass mgħaġġel u impenjattiv tal-ħajja fil-ġurnata tal-illum. 

Dan l-ispirtu attiv, spirtu ta’ ħerqa għall-ħajja u s-sabiħ li tista’ toffri meta niddedikaw ħsieb u wens għal ħaddieħor, impenji ġodda f’fażi ġdida ta’ ħajjiet il-bniedem, rajnieh fin-nominati u rebbieħa tal-premjijiet l-oħra. Ta’ dan, f’isem l-Istat, nirringrazzjakom tal-impenn tagħkom.

L-adulti anzjani f’Malta u Għawdex – u dan qed tixduh intom fostna llejla – huma bil-provi pilastri ħajjin tal-komunitajiet tagħna.

Eżempji ċari li qed juruna li s-snin tax-xjuħija jistgħu jkunu żminijiet sbieħ, fejn l-anzjani jibqgħu jaġġornaw u jinvolvu ruħhom, b’mod attiv, kulħadd bil-modi tiegħu.

Il-ħsieb li ħadd m’għandu jitħalla lura, jagħmel ħafna u ħafna sens f’attività bħal din tal-lejla.  

Fil-fatt, insemmi kif il-viżjoni nazzjonali ta’ Malta għall-2050 tħaddan dan il-prinċipju, u tiżgura li kull ċittadin, irrispettivament mill-età, ikollu aċċess għall-appoġġi meħtieġa għal ħajja sana, dinjituża, u sodisfaċenti.

Dan imur ‘lil hinn mill-għoti ta’ servizzi speċifiċi li jeħtieġu l-anzjani, iżda jimxi id f’id magħhom. Irid ikun hemm ukoll il-ħolqien ta’ ambjenti u opportunitajiet fejn l-anzjani jistgħu jirnexxu fiżikament, soċjalment, u diġitalment.

Il-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanita Attiva sal-2030 u l-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli sas-sena 2050 jiddeskrivu pjan b’direzzjoni, biex jissalvagwardjaw il-benessri u l-inklużjoni tal-anzjani fl-aspetti kollha tal-ħajja.

Huwa wkoll inkoraġġanti li tara numru ta’ Ċentri għall-Anzjanità Attiva madwar Malta u Għawdex, bl-opportunità li l-anzjani jiltaqgħu ma’ persuni ġodda f’atmosfera familjari.

Ninnota wkoll kif f’dan kollu isiru anke sessjonijiet li jinkludu  eżerċizzji fiżiċi, żfin, snajja, tagħlim dwar l-ewwel għajnuna, informazzjoni dwar l-Informatika u attivitajiet li jiġbru flimkien ġenerazzjonijiet differenti biex b’hekk ikun hemm iktar sinerġija fil-komunitajiet.

Fil-fatt innutajt anke kif illum ġew onorati anzjani għall-involviment tagħhom fl-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, fl-isports, fil-volontarjat, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u anke fil-kultura.

Dan kollu huwa prova ċara u prattika tal-impenn tal-Gvern, tal-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari konċernati, u tal-awtoritajiet, biex jinbidlu f’realtajiet tanġibbli u li fl-istess ħin itejjbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Dawn l-inizjattivi għandhom jibqgħu frekwenti u aċċessibbli biex tinżamm il-kwalità u l-effettività tagħhom fil-ħajja tal-anzjani tagħna.

Irridu niżguraw li kull min jeħtieġ appoġġ jew gwida dan qiegħed isibha u li proġetti mmirati li jinvolvu lill-anzjani b’mod attiv fil-komunità tagħna jibqgħu jitjiebu kontinwament.

Huwa għalhekk li għandna niżguraw li l-policies u l-istrateġiji li għandna, ikunu dejjem ikunu ggwidati mill-esperjenzi tal-ħajja u l-vuċijiet tal-anzjani tagħna nfushom.

Inħoss li sfida urġenti, li f’bosta okkażjonijiet tkellmu diversi anzjani miegħi personalment dwarha. Din hija l-inklużjoni diġitali.

F’era fejn is-servizzi essenzjali, l-interazzjoni soċjali, u anke l-informazzjoni dwar is-saħħa dejjem aktar jiċċaqalqu online, irridu niżguraw li aktar milli jeskludi, dan kollu jagħti raġuni biex naraw kif ħadd ma jibqa’ lura u jkun eskluż. Hemm ħiliet li rridu naraw li l-anzjani tagħna jkollhom.

Soċjetà li tħalli lill-membri anzjani tagħha lura fl-era diġitali tirriskja li tapprofondixxi l-iżolament aktar milli trawwem l-indipendenza.

L-isforzi kontinwi li qed isiru, kemm mill-Gvern ċentrali, mill-Kunsilli Lokali u anke minn għaqdiet mhux governattivi  fit-taħriġ tal-ħiliet diġitali u l-aċċessibbiltà tal-komunità jiżguraw li t-teknoloġija tkun pont għal għajxien aħjar u mhux ostaklu.

Inkun qed nonqos jekk ma naċċennax għall-fatt illi jrid ikollna l-għarfien; irridu nisħqu fuq il-perikli li t-teknoloġija ġabet magħha, illi bosta anzjani qed jispiċċaw vittmi ta’ frodi onlajn, u naħseb illi s-solitudni li wħud ikunu qed isofru minnha, l-għatx għall-empatija, jagħmilha aktar suxxettibbli li jinqabdu f’morsa ta’ imbrolji.

Il-kwalità tal-ħajja tibqa’ ċentrali għall-viżjoni ta’ pajjiżna għall-anzjani tagħna. Huwa tajjeb u sewwa  li l-awtoritajiet jirrikonoxxu li l-anzjani, bl-esperjenza u l-għerf tagħhom, huma ta’ benefiċċju u ta’ ġid għall-ġenerazzjonijiet iżgħar minna.

Biss nisħaq illi l-anzjani li għadhom igawdu s-saħħa, jridu jkunu wkoll huma li joħolqu l-opportunità, biex fil-fażi ta’ anzjanità f’ħajjithom, mill-ġdid iwelldu interessi ġodda li jżommuhom mentalment u fiżikament attivi. 

Hekk kif qed insemmi l-ġenerazzjonijiet, nappella biex ilkoll kemm aħna nħeġġu liż-żgħażagħ tagħna biex jersqu lejna. Dik l-interazzjoni, anke lilna żżommna iktar b’mentalità miftuħa biex nifhmu kif qed tinbidel id-dinja madwarna.

Biex nikkonkludi, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u lis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, lit-tim li organizzaw din is-serata tal-lejla u inthom, li fil-maġġoranza tagħkom li hawn illejla, għadkom toffru l-impenn biex taraw soċjetà aħjar. Grazzi tal-impenn tagħkom, matul ħajjitkom, għal pajjiżna.

Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.