Nilqgħakom għal din is-serata kommemorattiva f’ġieħ il-poeta Nazzjonali tagħna – Dun Karm Psaila.
L-okkażjoni ta’ din is-sena hija waħda partikolari, hekk kif qed infakkruh għall-opra kbira tiegħu Il-Jien u Lil Hinn Minnu – poema li hu stess sejħilha “għanja tal-moħħ, tal-qalb u tar-ruħ”, u li nisiġa disgħin sena ilu, propju fl-elf disgħa mija u sitta u tletin (1936).
L-importanza ta’ dan il-poeta jibda mill-prinċipju li bosta osservaturi, studjużi u kritiċi letterarji tal-Malti jqisu dan it-test bħala l-aktar kontribut letterarju importanti li ħallielna.
Il-Jien u lil Hinn Minnu nibtet minn proċess ta’ ħsieb, introspezzjoni u għarbiel. Dun Karm stess kien ammetta kif il-ħsieb għal dan it-test kien ilu jberren f’moħħu sa mill-1929, fejn kien studja b’mod metikoluż Dei Sepolcri, poeżija ta’ Ugo Foscolo, u xtaq jittraduċija għall-Malti.
Fi kliem il-Professur Oliver Friggieri, Dun Karm ried “juri s-sbuħija espressiva u l-għana lessikali tal-Malti“; iżda dik it-traduzzjoni “ġegħlitu jidħol f’meditazzjonijiet twal fuq it-temi tat-tbatija u u l-għatx kbir għall-ħajja”.
Dun Karm stess stqarr li l-Jien u lil Hinn Minnu riedha tkun tweġiba għal Foscolo, bniedem mingħajr twemmin u nieqes mit-tama Nisranija. Il-qassis-poeta ried jagħti risposta li l-fidi tiftaħ għajnejn il-bniedem u twissih dwar iċ-ċokon tiegħu meta mqabbel mal-kobor tal-Ħallieq.
Fuq skala lettararja, il-poema kienet dikjarazzjoni fl-apert li l-Malti, il-lingwa vernikulari ta’ dak iż-żmien, kienet kapaċi tesprimi ħsibijiet teoloġiċi u filosofiċi bl-aqwa u l-isbaħ mod possibbli, reazzjoni f’waqtha għan-nuqqas ta’ fidi letterarja li kien hemm minn min kien jippreferi lingwi oħra fuq il-Malti.
Il-paralleli bejn iż-żewġ testi ta’ Foscolo u ta’ Dun Karm huma ċari: x’jibqa’ mill-bniedem wara l-mewt? Għal Foscolo, li ma kellux twemmin fid-dinja ta’ wara, is-sopravvivenza hija biss storika: tgħix fil-memorja u fl-imħabba ta’ min jibqa’ ħaj.
Għal Dun Karm, l-oqbra huma biss għatba lejn l-eternità u post ta’ tama. B’hekk ir-raġuni mhix biżejjed biex tifhem il-ħajja wara l-mewt u twassal biss għad-dubju u għad-disperazzjoni, iżda tilħaq il-milja tagħha fil-fidi.
Minkejja dan kollu, ir-relazzjoni bejn iż-żewġ poeti mhix waħda polemika iżda waħda ta’ djalogu kalm: Dun Karm jassimila l-poetika ta’ Foscolo biex b’hekk, il-poema issir il-qofol tal-mixja intellettwali ta’ Dun Karm, sinteżi bejn ir-raġuni u l-fidi.
Sinjuri,
Disgħin sena wara Il-Jien u Lil Hinn Minnu, din il-poema tibqa’ wirt importanti li ħallielna Dun Karm.
Dun Karm wera’ fiduċja assoluta u għamja fil-lingwa Maltijai: fiduċja li lsienna jista’ jesprimi dak li hu l-aktar profond fina, jista’ jistaqsi l-akbar mistoqsijiet, u jista’ jagħti leħen lit-tama.
U huwa forsi dan li Jum Dun Karm għandu jfakkarna llum.
Ilsienna jibqa’ ħaj mhux biss meta nitkellmuh, iżda meta nafdawh bil-ħsibijiet, il-mistoqsijiet u l-aspirazzjonijiet tagħna.
Meta nimponu limitazzjonijiet għall-użu tal-lingwa Maltija f’kutnesti differenti, inkunu qegħdin nimminaw il-valur tagħha. Il-mixja biex il-Malti sab postu bħala lingwa ewlenija ta’ poplu b’identita’ unika kienet twila u mimlija sfidi.
Illum l-isfida tieħu bixra oħra, lil hinn mit-thedida kolonjali fuq iż-żamma u l-użu tal-lignwa tagħna.
Illum insibu l-isfida kożmopolitana, fejn hemm min isostni li minħabba ċirkostanzi differenti, lingwi oħra għandhom jintużaw bħala mezz ewlieni ta’ komunikazzjoni, bil-Malti jitwarrab lejn il-ġenb.
Ejjew ma ninsew qatt l-importanza biex nibqgħu naħdmu sabiex il-Malti jibqa’ jitħaddem, jiġġeded u fuq kollox mitkellem mill-poplu tagħna.
Nirringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu biex, sena wara l-oħra, ikompli jiġu mtella’ dan l-avveniment importanti f’Ġieħ il-Poeta Nazzjonali Dun Karm. Ninsab konvinta illi dawn l-avvenimenti jkomplu joħolqu dik l-ispinta neċċessarja biex tiġġeded id-diskussjoni dwar l-importanza tas-salvagwardjar tal-lingwa Maltija.