President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Id-diskors tal-President fl-għeluq tal-Istat tan-Nazzjon 2026

Nirringrazzja lil Lou Bondi u lill-Professur Vince Marmara tal-biċċa xogħol li għamlu, lil dawk l-1,064 persuna li mingħajrhom ma kienx ikollna dan l-istħarriġ, kif ukoll lil dawk li attendew illum.

Fuq it-tema prinċipali tal-istħarriġ ta’ din is-sena, fejn tidħol il-popolazzjoni, mhux se nidħol fl-ispjega li għamlilna l-Professur Vince Marmara, jew nirrepeti dawk il-punti tajbin li ħarġu mill-kelliema.

Però fejn jidħol il-fatt dwar jekk għadux jinteressana, u lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, li jkollna l-ulied, issemma’ li fejn jidħlu l-ulied qisu hemm ċerta ‘unwillingness’ mill-faxxa t’isfel tal-etajiet li jkollhom l-ulied. Iltqajna f’diskussjonijiet fejn ingħad jekk għandux ikun hemm iktar inċentivi, u dan jissemma’ wkoll f’fora oħra.

Dan l-aħħar qrajt li f’Singapore taw ċertu inċentivi biex tiżdied ir-rata tal-wild, u lanqas huma żguri li dawn se jaħdmu. Biss hawn fenomenu f’pajjiżna, fejn fil-faxxa ta’ bejn 26 sa 35 sena ’l fuq, għalkemm iktar qed noqorbu lejn min jagħlaq 35 sena, qed ikun hemm min tant irid l-ulied li qed jirrikorri għall-għajnuna xjentifika u medika. Dawn, fis-sena 2025, wasslu għat-twelid ta’ 254 tarbija bl-interventi xjentifiċi. Dan ifisser li mill-4,368 wild li kellna fl-2025, 5.8% minnhom, li jien personali ma narahiex bħala figura żgħira, twieldu permezz tal-assistenza medika.

Wieħed forsi jrid jistaqsi jekk dan hux ukoll minħabba l-fatt tal-ħajja li qed ngħixu, tal-50 sena li għaddejna minnhom meta kien hemm ftuħ kbir fl-opportunitajiet, inkluż opportunitajiet edukattivi li taw aspirazzjonijiet oħra, anke fejn daħlu opportunitajiet biex in-nisa u tfajliet tagħna ma jibqax ikollhom ir-rwol ristrett ta’ qabel. Ma nistgħux aħna ma narawx kull element li qed jibdel l-aspirazzjonijiet u dak li jixtieq il-poplu.

Lil hinn mill-popolazzjoni, iċ-ċifri u d-demografija, nazzjon jagħmluh in-nies u ma nistgħu qatt nieqfu ninvestu fil-poplu tagħna, fil-ġenerazzjonijiet li tilgħin, u li nagħtuhom valuri sodi, valuri għal ħajjithom ta’ kuljum u valuri ta’ ċittadini li jaspiraw mhux biss nazzjonalment imma anke internazzjonalment, fejn għamilna isem. Jien niltaqa’ anke ma’ diplomatiċi ta’ pajjiżi barranin fejn hemm rispett lejn kif aħna nittrattaw dak li nemmnu fih, anke li attivament aħna favur il-paċi u l-progress fost il-ġnus.

Ejja ma nitilfux dak li bnejna. Hemm ħafna fejn naħdmu, u hemm ħafna fejn irridu norqmu u nillimaw, imma ejjew b’kuraġġ inħarsu ’l quddiem, għax id f’id naslu.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.