Nilqgħakom għal din is-sitt edizzjoni tal-konferenza l-Istat tan-Nazzjon. Nibda billi nirirngrazzja lil dawk il-membri kollha tal-pubbliku li aċċettaw li jieħdu sehem fl-istħarriġ li jniedi u li fuqu huwa bbażat dan l-eżerċizzju annwali.
L-istħarriġ, bħal fis-snin preċedenti, fittex li jesplora u jevalwa sejbiet li jkunu qed jevovlu fuq temi li minn sena għall-oħra nżammu preżenti permezz tal-mistoqsijiet li jitpoġġew lil parteċipanti.
Issa dħalna fis-sitt edizzjoni ta’ din il-konferenza annwali. Tul il-ħames snin li għaddew, il-konferenza u l-istħarriġ li sar tagħna stampa ta’ tagħrif dwar id-diversi aspetti ta’ ħajjitna li jolqtu s-soċjetà Maltija mill-viċin.
Din is-sena, il-konferenza għażlet it-tema “Il-popolazzjoni u n-nazzjon Malti sa 50 sena oħra” .
Din it-tema hija waħda attwali meta wieħed jinnota li d-diskussjoni dwar il-popolazzjoni ta’ pajjiżna hija preżenti u l-interess f’dan is-suġġett jidher li qiegħed jiżdied.
Hemm min iħares lejn il-popolazzjoni mil-lat tal-etniċità, tal-ekonomija, tal-infrastruttura tal-pajjiż, mill-lat ta’ saħħa, u tal-edukazzjoni, fost aspetti oħra.
Madankollu, lil hinn minn dan, hemm realtajiet differenti, bżonnijiet li jinbidlu, aspettattivi li jevolvu maż-żmien u li magħhom iġibu sitwazzjonijiet diversi bi sfidi ġodda.
Kull żieda jew bidla fit-tessut demografiku ġġib magħha opportunitajiet, iżda wkoll pressjonijiet ġodda fuq is-servizzi pubbliċi, is-suq tax-xogħol, l-akkomodazzjoni, it-trasport, is-sistema tas-saħħa u l-edukazzjoni.
Għalhekk, id-diskussjoni dwar il-popolazzjoni għandha tkun waħda wiesgħa u bilanċjata, ibbażata fuq ippjanar fit-tul u fuq il-ħtieġa li l-iżvilupp ekonomiku jimxi id f’id mal-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni soċjali u l-ġid komuni.
L-istatistika hija importanti għaliex tanalizza b’metodoloġja xjentifika r-realtà wara ċaqliq fiċ-ċifri demografiċi.
L-istudju li sar u l-istatistika li nġabret, bħal drabi oħra, ser ikunu qed jiġu ppubblikati. L-ewwel tlettax-il parti tas-sondaġġ trattaw suġġetti perenni li jifformaw parti mill-ħajja tal-individwi li jgħixu u jiżviluppaw f’ċelluli soċjali li flimkien jiffurmaw il-qafas soċjali.
It-tema tal-konferenza, imbagħad, tiġi trattata fil-kumplament tal-istudju.
Inrodd ħajr wkoll lill-kelliema esperti li ser jagħtu il-kontribut tagħhom tul id-diskussjonijiet ta’ dan il-jum, u fuq kollox lil kelliema primarji tal-konferenza tal-illum, fosthom lill-E.T. l-Arċisqof Charles J. Scicluna, u lil Dr Roberta Metsola, u lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni li se jagħlqu s-sensiela ta’ diskussjonijiet u taħditiet.
Nagħlaq billi niġbed l-attenzjoni illi din tal-lum hija espożizzjoni fuq l-istħarriġ li jsir kull sena mill-Presidenza – Attività tal-Presidenza li għandha tkun biss fuq dan l-istħarriġ.
Fir-rigward ta’ materji oħra, partikularment dawk attwali u fuq fomm kulħadd fil-preżent, il-Presidenza titkellem meta jkun fl-aħjar interess tan-nazzjon u l-poplu.