President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Id-diskors tal-President waqt Jum il-Kottonera 2026

Nirringrazzjakom tal-istedina biex għal sena oħra, nerġa’ nkun magħkom f’din l-okkażjoni ta’ Jum il-Kottonera.

Ippermettuli nibda biex qabelxejn, nifraħ mill-qalb lil Patri Mark Montebello, li llejla ngħata Ġieħ il-Kottonera. Dan ir-rikonoxximent huwa xhieda tal-ħidma siewja li wettaq matul is-snin b’risq il-komunitajiet tal-Kottonera, partikolarment fil-qasam soċjali, edukattiv u umanitarju.

Patri Mark, ukoll fi żmien meta l-pinna tiegħu kienet viżibbli fil-ġurnali u rivisti lokali, dejjem wera impenn favur id-dinjità tal-bniedem, u l-inklużjoni u s-solidarjetà, speċjalment ma’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Din il-ħidma kompla jagħtiha wkoll lil hinn minn xtutna, u hija eżempju ta’ kif inkunu fejn inkunu, nistgħu inkunu ta’ servizz għall-oħrajn. Nawguralu aktar snin ta’ ħidma b’risq il-ġid komuni.

Sinjuri

Is-sena l-oħra ltqajna l-Birgu, u din is-sena hawnhekk fil-Knisja tal-Kappuċċini, il-Kalkara. Lokalità li fiha nnifisha tiġbor ħafna mill-karatteristiċi li jiddefinixxu l-Kottonera.

Biss biss, il-post li qegħdin fih illejla huwa xhieda tal-istorja tal-Kottonera.

Il-Patrijiet Kapuċċini ngħataw is-sit għall-bini tal-knisja u l-kunvent fil-bidu tas-sena elf u seba’ mija, f’post ftit ’il barra mis-swar tal-Kottonera, kif kienet id-drawwa tal-Ordni tagħhom; post li fih nsibu rabta qawwija ma’ Santa Liberata, li isimha baqa’ marbut ma’ din iż-żona sal-ġurnata tal-lum.

Bħal kumplament ta’ dawn l-inħawi, anke din il-knisja stess ġarrbet l-effetti tat-tieni gwerra dinjija, hekk kif il-kampnar kellu jerġa’ jinbena fl-elf disgħa mija u sitta u erbgħin (1946).

Qed insemmi dan, għaliex il-post li fih qegħdin illum huwa simbolu ta’ dak li rrappreżentat il-Kottonera matul is-sekli, wirt li ġarrab il-provi taż-żmien, iżda li baqa’ ħaj u baqa’ jagħmel parti mill-ħajja tal-komunità.

Din hija storja li nsibuha ripetuta, b’modi differenti, fil-Birgu, f’Bormla, fl-Isla u fil-Kalkara.

Il-Kottonera kienet fiċ-ċentru ta’ wħud mill-aktar mumenti determinanti fl-istorja ta’ Malta.

Fl-Assedju l-Kbir, dawn l-inħawi kienu fuq quddiem fid-difiża ta’ Malta. Il-Birgu, l-Isla u Bormla saru sinonimi mar-reżistenza u l-qlubija ta’ dawk li ddefendew pajjiżna, u t-titli ta’ Città Vittoriosa, Città Invicta u Città Cospicua baqgħu jfakkruna f’dak il-kapitlu importanti tal-istorja tagħna.

Sekli wara, il-Kottonera reġgħet sabet ruħha fuq quddiem nett waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-pożizzjoni tagħha madwar il-Port il-Kbir u r-rabta tagħha mad-Dockyard fissru li dawn il-lokalitajiet kienu fost dawk li ġarrbu l-akbar attakki mill-ajru.

Familji kellhom jitilqu minn djarhom, bini u toroq inqerdu, komunitajiet sħaħ inbidlu. L-effetti ma waqfux mat-tmiem tal-gwerra, iżda baqgħu jinħassu għal għexieren ta’ snin fil-qasam ekonomiku, soċjali u demografiku.

Madankollu, jekk hemm karatteristika li tispikka fl-istorja ta’ dawn l-inħawi, hija r-reżiljenza, kapaċità qawwija li mhux biss jirreżistu, iżda wkoll jiġġeddu.

Illum, fil-Kottonera, naraw ir-riżultat ta’ snin ta’ ħidma favur ir-riġenerazzjoni. Naraw wirt restawrat, attività ekonomika ġdida, interess turistiku u kulturali akbar, u fuq kollox apprezzament imġedded lejn il-valur ta’ dawn il-lokalitajiet.

U kif qegħdin fil-Kalkara ma nistax ma nsemmix kif din hija lokalità li fiha niltaqgħu ma’ aspetti differenti tal-istorja u l-iżvilupp ta’ pajjiżna. Biss biss, insibu Forti Rinella, li jfakkarna fl-importanza strateġika li kellhom dawn l-inħawi fid-difiża tal-Port il-Kbir, u li llum huwa wkoll attrazzjoni storika u kulturali importanti.

Fl-istess lokalità nsibu l-Malta Film Studios, li għal snin sħaħ kellhom sehem importanti fl-iżvilupp tal-industrija ċinematografika f’pajjiżna, u li kkontribwew biex Malta tikseb għarfien internazzjonali bħala destinazzjoni għall-produzzjonijiet tal-films.

Eżempju ieħor tal-iżvilupp li semmejt kien propju l-proġett ta’ SmartCity, li jirrappreżenta aspett differenti tal-identità ta’ din il-lokalità, marbut mat-teknoloġija, l-innovazzjoni u opportunitajiet ekonomiċi ġodda. Dan jurina kif lokalità b’wirt storiku daqstant għani tista’ tħares ukoll lejn il-futur. Huwa importanti, iżda, li kull żvilupp jibqa’ jirrispetta l-karattru tal-lokalità u, fuq kollox, iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha.

Dan kollu ma seħħx waħdu. Warajh hemm il-ħidma tal-Gvern u l-awtoritajiet ta’ pajjiżna, tal-Kunsilli Lokali, tal-Fondazzjoni Kottonera, tal-għaqdiet volontarji u kulturali, u ta’ ħafna individwi li jemmnu f’dawn il-komunitajiet u jaħdmu għall-ġid tagħhom.

Din is-sena għandha tifsira aktar speċjali għaliex il-Kottonera, tagħmel parti mir-Reġjun tal-Port, u dan ir-reġjun għandu t-titolu ta’ Reġjun tal-Kultura 2026.

Meta f’Jannar li għadda kont hawnhekk fil-Kalkara għat-tnedija ta’ din is-sena kulturali, kont enfasizzajt li r-Reġjun tal-Port huwa, fil-veru sens tal-kelma, storja ħajja ta’ ġensna.

U dan għaliex il-kultura ma tinsabx biss fil-monumenti, fis-swar jew fil-binjiet storiċi li writna. Dawn huma prezzjużi u jeħtieġ li nibqgħu nħarsuhom, iżda l-kultura tgħix ukoll fin-nies.

Irridu wkoll nibqgħu nħeġġu liż-żgħażagħ biex isiru jafu din l-istorja u jagħmluha tagħhom. Għaliex wirt li ma jgħaddix minn ġenerazzjoni għal oħra, maż-żmien jintilef.

Hawnhekk tidħol ukoll il-ħidma importanti tal-Fondazzjoni Kottonera. Il-missjoni tagħha għandha tibqa’ waħda li tgħaqqad il-ħarsien tal-wirt mar-riġenerazzjoni soċjali u ekonomika, dejjem bil-kwalità tal-ħajja tar-residenti fiċ-ċentru tagħha.

Ġieħ il-Kottonera huwa għalhekk aktar minn ċelebrazzjoni ta’ ġurnata waħda. Huwa mument fejn bħala pajjiż nirrikonoxxu l-kontribut ta’ dawn l-inħawi u tan-nies tagħhom għall-istorja, għall-identità u għall-iżvilupp ta’ Malta.

Fuq kollox, huwa impenn sabiex dak li wasal għandna mingħand ta’ qabilna, aħna nħarsuh, insaħħuh u ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Nirringrazzja lill-Fondazzjoni Kottonera, liċ-Chairperson tagħha Joe Mizzi, lis-Sindki u Kunsilli Lokali rispettivi, lill-għaqdiet u lill-voluntiera kollha li jkomplu jagħtu minn ħinhom u mill-enerġija tagħhom għall-ġid ta’ dawn il-lokalitajiet.

Nirringrazzja wkoll lill-mużiċisti kollha li ħadu sehem fil-kunċert sagru tal-lejla u taw il-kontribut tagħhom għal din l-okkażjoni.

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.