Illejla qed ningħaqad mill-ġdid magħkom, din id-darba għall-għeluq tat-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale 2026.
Matul dawn il-ġimgħat li għaddew, pajjiżna sar spazju miftuħ għall-ħsieb, għall-espressjoni u għad-djalogu.
Il-Biennale reġgħet uriet li mhijiex biss wirja ta’ xogħlijiet artistiċi, iżda pjattaforma ħajja fejn il-kreattività tiltaqa’ mar-realtà u fejn il-ħsieb kritiku jsib leħen.
Din l-edizzjoni kompliet tibni fuq il-pedamenti stabbiliti mill-ewwel waħda, u saħħet ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ arti kontemporanja fuq livell internazzjonali. L-entużjażmu tal-artisti, il-parteċipazzjoni mifruxa minn madwar id-dinja u r-rispons tal-pubbliku huma xhieda ċara tal-valur ta’ din l-inizjattiva.
Il-fatt li l-Malta Biennale 2026 kellu l-patroċinju tal-UNESCO, u mhux biss tal-Presidenza, jkompli juri u jenfasizza l-importanza u l-prestiġju ta’ din l-inizjattiva fuq livell nazzjonali u internazzjonali.
Dan ir-rikonoxximent huwa xhieda ċara tal-valur kulturali u artistiku li l-Biennale ġġib magħha, kif ukoll tal-impenn kontinwu biex tippromwovi d-djalogu, il-kreattività, il-konnettività u fuq kollox innovazzjoni fil-forom varji ta’ arti, li bl-iżvilupp teknoloġiku qed jieħu suriet ġodda – ċelebrazzjoni tal-ħiliet diversi ta’ l-uman.
Lil kull min żarha, il-Biennale offriet opportunità biex jiltaqa’ ma’ ideat ġodda, biex jara r-realtà minn perspettivi differenti, u biex jirrifletti fuq il-kumplessità taż-żminijiet li qed ngħixu fihom.
F’dinja fejn il-bidla hija kontinwa u spiss mgħaġġla, l-arti reġgħet uriet il-qawwa tagħha bħala mezz ta’ komunikazzjoni universali.
F’dawn il-jiem tal-Biennale, jien wkoll kelli ċ-ċans u l-opportunità li, f’numru ta’ okkażjonijiet differenti, inżur l-esibizzjonijiet u padiljuni kemm f’Malta u anke Għawdex.
Din l-esperjenza tatni perspettiva aktar wiesgħa u profonda tal-varjetà ta’ xogħlijiet artistiċi li ġew ppreżentati. B’għajnejja stess rajt ix-xogħol kreattiv u innovattiv ta’ artisti kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li kull wieħed minnhom wassal messaġġ uniku u interpretazzjoni personali tar-realtà li ngħixu fiha.
Kull spazju li żort offra atmosfera differenti, b’installazzjonijiet, arti taħt diversi dixxiplini u forom li jistiednu lill-viżitatur jirrifletti, jiddiskuti u japprezza aktar il-wesgħat tal-espressjoni artistika.
Din l-edizzjoni – Clean, Clear, Cut – Tnaddaf | Tgħarraf | Tferraq – kienet xprun għal riflessjoni profonda dwar l-isfidi li qed niffaċċjaw bħala reġjuni u komunitajiet reġjonali u wkoll bħala komunità globali.
It-temi magħżula, wassluna biex nistaqsu mistoqsijiet importanti dwar ir-responsabbiltajiet tagħna lejn xulxin, lejn l-ambjent u lejn il-ġenerazzjonijiet futuri.
Matul il-Biennale, l-ispazji storiċi tagħna reġgħu ħadu ħajja ġdida. Dawn il-postijiet, mimlijin storja u memorja, saru xhieda ta’ djalogu bejn il-passat u l-preżent, bejn il-wirt u l-innovazzjoni. Hawnhekk rajna kif l-arti tista’ tagħti sens ġdid lil spazji li diġà għandhom tifsira profonda fil-kuxjenza u l-memorja kollettiva tagħna.
Nenfasizza wkoll l-importanza tal-inklużjoni li rajna matul din l-edizzjoni. Il-parteċipazzjoni wiesgħa, inkluż dik ta’ artisti nisa, ta’ residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u inizjattivi oħra li jindirizzaw realtajiet soċjali differenti, turi li l-arti tista’ tkun forza li tgħaqqad u tinkludi u li tagħti vuċi lil min ikun, jew għal xi raġuni jsib ruħu fil-periferija.
Dan kollu jsaħħaħ il-konvinzjoni li l-kultura għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Il-Biennale ta’ Malta kompliet tressaq l-arti eqreb lejn in-nies, u ħeġġet lil ħafna, speċjalment iż-żgħażagħ, biex jersqu eqreb lejn l-espressjoni kreattiva u jiskopru l-potenzjal tagħhom.
Hekk kif nagħlqu din l-edizzjoni li kienet waħda ta’ suċċess, huwa importanti li ma nħarsux biss lura lejn dak li nkiseb, iżda wkoll ’il quddiem lejn dak li jista’ jitwieled minn din l-esperjenza. Il-Biennale għandha tibqa’ sors ta’ ispirazzjoni, spazju li jkompli jrawwem il-ħsieb u jħeġġeġ il-bidla, mingħajr ma jitlef l-għeruq.
Ippermettuli llejla biex f’isem l-istat, nesprimi l-apprezzament sinċier tiegħi lejn Mario Cutajar, il-President tal-Malta Biennale, għall-viżjoni u t-tmexxija eċċezzjonali tiegħu fit-twaqqif u l-iżvilupp ta’ din l-inizjattiva kulturali ta’ livell għoli.
Nixtieq nirringrazzja lil Heritage Malta, lit-tmexxija kuratorjali, lill-istituzzjonijiet kollha involuti, u lil dawk kollha li ħadmu b’dedikazzjoni kbira biex din il-Biennale tkun suċċess.
Nirringrazzja wkoll lill-artisti, lill-kuraturi u lill-organizzaturi kollha li, permezz tad-dedikazzjoni u l-ħidma bla heda tagħhom, taw ħajja lil esibizzjonijiet ta’ kwalità li jispiraw u jarrikkixxu lis-soċjetà.
Fl-aħħar nett, nirringrazzja lil kull min żar u pparteċipa. Il-preżenza tagħkom tagħti ħajja lil inizjattivi bħal dawn u tagħmilhom tassew sinifikanti.
Nittama li dak li rajna u esperjenzajna matul dawn ix-xhur jibqa’ magħna, mhux biss bħala memorja, iżda bħala ispirazzjoni għal azzjoni u għal ħsieb ġdid.
U nagħlaq billi nuri l-apprezzament tiegħi għal għaqal li ntwera bit-tnedija tal-Fondazzjoni għall-Malta Biennale.
Il-ħolqien tal-fondazzjoni huwa pass li aktar jiżgura il-kontinwità tal-Biennale fil-futur, minnufih jgħolli l-profil tal-organizzazzjoni u lill-Biennale jagħtiha status partiklurari ta’ entità.