President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza attività fl-okkażjoni tal-25 Sena anniversarju tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija

Iltqajna llejla sabiex flimkien nikkomemoraw il-ħamsa u għoxrin (25) sena mit-twaqqif tal-Gozo Business Chamber.

B’dan il-pass, għall-ewwel darba, l-operaturi Għawdxin ħolqu għalihom niċċa illi permezz tagħha, leħinhom jibda’ jinħass iktar, u dan peress illi raw li jiġbru u jaħdmu għall-aspirazzjonijiet komuni tas-settur.

Tul is-snin, il-funzjonijiet tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija espandew biex ilaħħqu mal-progress li kien iseħħ fil-gżira Maltija, bl-iskop illi Għawdex u l-Għawdxin ukoll iħossu mill-qrib il-prosperità li kienet qiegħda tinħoloq.

Il-Kamra tal-Kummerċ baqgħet iżżomm l-interessi tan-negozji f’Għawdex bħala prijorità. Bdiet tippromwovi wkoll opportunitajiet kummerċjali lokali u anke internazzjonali, speċjalment wara s-sħubija sħiħa ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li ġabet magħha politika ta’ kummerċ ħieles.

Il-preżenza tal-istess Kamra tal-Kummerċ f’fora internazzjonali bħall-Kamra tal-Kummerċ Insulari tal-Unjoni Ewropea, l-INSULEUR, ħolqot opportunità biex l-Għawdxin, ma’ msieħba oħrajn, jiġu maqsuma l-isfidi li jaffaċċja Għawdex bħala reġjun.

Il-feles ilma li jifred lill-gżira t’Għawdex mill-gżira ta’ Malta, joħloq realtà differenti fejn jidħol Għawdex, inkluż fil-mod ta’ kif l-ekonomija f’Għawdex għandha titnissel, u kif tista’ tifjorixxi.

It-taħlita ta’ wirt urban u rurali, flimkien mas-sbuħija naturali tal-kampanja u l-pajesaġġ Għawdxi, joħolqu f’Għawdex potenzjal ta’ viżjoni ekonomika diversa u distinta minn dik ta’ Malta.

Dan kollu, flimkien mal-insularità doppja, u s-sitwazzjoni u l-importanza ta’ aċċessibilità, li din iġġib magħha, dejjem irrikjedew illi Għawdex ikollu viżjoni u pjan partikolari għalih.

Il-konnettività ma’ Malta tibqa’ dejjem kruċjali għalina l-Għawdxin. Għalhekk, huwa importanti li tibqa’ tiġi mistħarrġa l-possibilita’ sostenibbli fejn tidħol riġenerazzjoni u rinnovazzjoni tal-flotta tal-Gozo Channel.

Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Awtorita għall-Izvilupp Reġjonali Għal Għawdex u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija,i rriżultat fi tħejjija ta’ żewġ rapporti importanti li flimkien ingħataw li-isem ta’ rapport li jirrigwardja l-Gozo Business Sentiment.

Dan ir-rapport jindika biċ-ċar li minkejja li hemm fiduċja dwar l-istabbilità tan-negozju u l-kummerċ f’Għawdex għal din is-sena ġdida li għadna kif bdejna, jeżistu ċirkostanzi li jinkwetaw lis-sidien tan-negozji Għawdxin.

Fost dawn hemm nuqqas ta’ riżorsa umana, għaliex problema sollevata u li, ripetutament, minn diversi bnadi, ġiet indikata lili personalment, hija illi donnu jidher li għadha preżenti l-attitudni antika illi jkun preferut l-impjieg mal-Gvern fuq l-impjieg offrut mill-privat. Għandna naraw x’inhi r-raġuni għalih, għaliex dan ixekkel l-espansjoni kummerċjali, u jaqta’ l-qlub meta proxxmu jiġi biex jagħmel investimenti fi proġetti ġodda.

Minn dan ir-rapport, dwar il-Gozo Business Sentiment, joħroġ ukoll li negozji fis-settur tal-kostruzzjoni qed jantiċipaw tnaqqis tax-xogħol f’dan is-settur.

Din ma narahiex xi element negattiv. Anzi, jekk wieħed jieqaf u jaħseb, tidher li hija indikatur ta’ reazzjoni f’waqtha għal dak li għandu x’jaqsam mas-settur ta’ binijiet ġodda fil-pajsaġġ Għawdxi, partikolarment, jekk wieħed iżomm fuq quddiem l-importanza li jkun protett dan l-istess pajsaġġ, sew mil-lat rurali kif ukoll mil-lat urban.

Wieħed jinnota li hemm miżuri kumplimentari għal dan il-għan, illi ġew imnedija fl-estimi finanzjarji tas-sena l-oħra, fejn kien hemm inċentivi fir-rigward ta’ xiri ta’ propjetà immobbli eżistenti, mibnija aktar minn għoxrin sena ilu, illi kienu vakanti għal aktar minn seba’ snin.

Ir-rakkomandazzjonijiet biex tinstab soluzzjoni għal punti mqajma minn dawn ir-rapporti diġa’ jiffurmaw parti mill-Istrateġija ta’ Żvilupp Reġjonali għal Għawdex, imnedija mill-Awtorita’ għall-Iżvilupp Reġjonali għal Għawdex fl-2023, wara diversi konsultazzjonijiet bilaterali, inkluż mal-Gozo Business Chamber.

L-Istrateġija tħejji diversi miżuri għall-għaxar snin li ġejjin.

Mill-aspett ekonomiku u kummerċjali, id-dokument jiffoka, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-promozzjoni ta’ diversifikazzjoni f’setturi ġa eżistenti bħall-agrikoltura u t-turiżmu, iżda jindika l-bżonn li l-innovazzjoni diġitali tittieħed bis-serjetà. Hawn diġa’ smajna lill-Presiden ttla-Gozo Business Chamber, fuq id-Digital Hub, u kif dan jista’ jiġi megħjun iktar ħalli jkun hawn iktar diversifikazzjoni.

Din l-istrateġija għandha sservi bħala l-pedament fundamentali għat-tfassil ta’ politika u miżuri fil-ġejjieni li jgħinu biex jiġi garantit żvilupp sostenibbli u integrat fil-Gżira Għawdxija; jiġu identifikati opportunitajiet ġodda, iżda tibqa’ konservata l-identità unika t’Għawdex.

F’termini kummerċjali, dan ifisser li intrapriżi żgħar u medji u startups Għawdxin stess għandhom jiġu mgħejuna biex jifjorixxu fil-gżira Għawdxija stess permezz ta’ għajnuniet speċifikament għalihom, inkluż għajnuna biex l-aċċess għall-fondi Ewropej isir iktar faċli.

Għalhekk huwa importanti li jkun hemm l-input politiku sabiex l-istrateġija ma tibqax biss linka fuq il-karta. Dan importanti ħafna għall-iżvilupp kummerċjali sostenibbli ta’ Għawdex fil-futur, u mhux biss għall-għaxar snin li ġejjin.

Ir-rapporti ta’ Strateġija għall-Iżvilupp Reġjonali t’Għawdex, huma neċessarji u għandhom jsiru minn żmien għal żmien, biex dejjem jipprovdu l-aġġornament meħtieġ skond żviluppi li jkun hemm jew li jistgħu jiġu previsti u pjanati.

Il-kunċett ta’ sostenibbilità, li huwa msemmi diversi drabi fl-Istrateġija, għandu jkun l-fus tal-ħidma futura f’Għawdex. L-attrazzjoni ta’ investimenti u kummerċ sostenibbli f’kull qasam hija importanti biex Għawdex, iżomm l-elementi bażiċi u partikolari tiegħu u jattira lejn Għawdex, anke minħabba n-natura tiegħu, il-kwalità aktar milli l-kwantità, u jkollu ekonomija soda.

Hekk kif inħarsu ’l quddiem biex l-isfidi naqilbuhom f’opportunitajiet, inħeġġeġ lill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija biex fil-futur tkompli bil-ħidma tagħha favur l-iżvilupp tal-kummerċ f’Għawdex bħal ma’ għamlet fl-aħħar 25 sena u tkun dejjem viġilanti, biex dejjem ikollha subgħajha fuq il-polz tal-problemi li aħna, bħala Għawdxin, naffaċċjaw.

Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.