President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza ċ-ċerimonja tar-ritorn tal-arazzi restawrati tal-Palazz Presidenzjali tal-Belt

Iltqajna llum il-Palazz Presidenzjali u l-okkażjoni hija r-ritorn mill-ġdid fil-Palazz ta’ patrimonju uniku, storiku u arrtistiku, marbut mal-istorja ta’ pajjiżna u ta’ din il-binja – ir-ritorn mill-ġdid tal-arazzi.

Dawn l-arazzi, magħrufa għall-ġmiel u l-valur tagħhom, ilhom iżejnu s-Sala tal-Arazzi sa mill-bidu tas-seklu tmintax. Kienu kkummissjonati mill-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful fl-elf sebgħa mija u tmienja (1708) bħala parti mill-‘gioia’, ir-rigal tiegħu tiegħu lill-Ordni ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu bħala Gran Mastru.

Minn dakinhar ’l hawn, dawn il-kapolavuri mhux biss sebbħu lill-Palazz tal-Gran Mastru, iżda kienu wkoll simbolu tal-konnessjoni ta’ Malta mal-istorja Ewropea, mal-arti u mal-kultura internazzjonali.

Dawn l-arazzi jirrakkontaw stejjer ta’ dinjiet ġodda, ta’ flora u fawna eżotika li affaxxinaw lill-Ewropa tas-seklu sbatax u tmintax, u jagħtuna ħarsa lejn kif l-immaġinazzjoni u l-kurżità tal-bniedem kienu jittraduċu ruħhom f’xogħlijiet artistiċi ta’ livell eċċezzjonali.

Sentejn ilu dawn l-arazzi nħarġu minn Malta biex jgħaddu minn proċess delikat u intensiv ta’ konservazzjoni fil-Belġju. Kien proġett ambizzjuż u neċessarju biex jiġi żgurat li dawn ix-xogħlijiet prezzjużi jibqgħu jistgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.

Il-proċess ta’ konservazzjoni kien jinvolvi xogħol metikoluż u paċenzjuż: it-tneħħija ta’ inforra antika, tindif fil-fond permezz ta’ tekniki avvanzati biex jiġu protetti l-kuluri oriġinali, kif ukoll tisħiħ tal-partijiet l-aktar fraġli tal-ħarir. Dan huwa xogħol li jitlob mhux biss ħila teknika, iżda wkoll rispett profond lejn il-wirt storiku u artistiku li jkun qed jiġi fdat f’idejn il-konservaturi.

F’dan il-kuntest, nixtieq nesprimi apprezzament sinċier lil Heritage Malta, lit-tmexxija tagħha, lill-esperti kollha involuti, kif ukoll lill-konservaturi, għall-impenn u l-professjonalità tagħhom. Grazzi għalihom, illum nistgħu nħarsu lejn dawn l-arazzi b’serħan il-moħħ li ġew imħarsa bl-ogħla standards internazzjonali ta’ konservazzjoni u kura.

Ta’ min ifakkar ukoll li waqt li l-arazzi kienu barra minn Malta, sar xogħol importanti ħafna fuq is-Sala tal-Arazzi nfisha, magħrufa wkoll bħala s-Sala tal-Kunsill. Is-saqaf uniku tagħha, is-suffitt impitter, l-affreski, l-art u t-travi kollha għaddew minn restawr estensiv biex din is-sala tkun tista’ tilqa’ lura l-arazzi tagħha bl-aktar mod sigur u xieraq.

L-arazzi għaddew minn sekli ta’ storja, minn vjaġġi diffiċli u saħansitra minn perikli li kważi wasslu għat-telfa tagħhom f’idejn il-kursara. Minkejja dan kollu, għadhom hawn magħna, xhieda ħajja tal-kreattività umana u tal-ħila tagħna li nħarsu dak li hu prezzjuż.

Il-patrimonju kulturali għandu jkun għajn ta’ edukazzjoni, ta’ ispirazzjoni u ta’ għaqda. Għandu jkompli jservi bħala pont bejn il-ġenerazzjonijiet u bħala mezz biex aktar nies, speċjalment iż-żgħażagħ, japprezzaw il-ġid storiku u artistiku ta’ pajjiżna.

Nawgura li r-ritorn ta’ dawn l-arazzi jkompli jqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna u jservi ta’ ispirazzjoni għal aktar investiment fil-patrimonju storiku u artistiku ta’ Malta.

Grazzi lilkom kollha tal-preżenza tagħkom illum, u prosit lil kull min ta sehmu biex dan il-proġett importanti seta’ jitwettaq b’suċċess.