Grazzi li għal sena oħra stedintuni, u ninsab fostkom, hawn ġewwa l-Komunità Santa Marija għal din il-gradwazzjoni b’sinifikat partikulari ħafna.
Din il-gradwazzjoni tiċċelebra vjaġġ straordinarju ta’ reżiljenza, tama u bidla. Kull wieħed u waħda minnkom li ser tiggradwaw llum affaċċja battalja unika li wasslitkom għal din il-ġurnata ta’ bidu ġdid.
Illum, l-attenzjoni tagħna tiffoka mhux fuq il-problemi, iżda fuq il-kuraġġ, l-impenn u t-tama.
Il-vjaġġ li bdejtu fi ħdan l-Aġenzija Sedqa u li wassalkom għall-ġurnata tal-illum jimmarka stadju kumpless f’ħajjitkom, fejn sfajtu vittmi ta’ ċirkustanzi li mhux dejjem kienu fil-kontroll tagħkom.
Hawn l-Aġenzija Sedqa daħlet u għamlet differenza fil-ħajja tagħkom. Hekk kif is-soċjetà tagħna qed tiffaċċja sfidi kbar relatati mal-abbuż tas-sustanzi projbiti, hemm bżonn li ma nieqfu qatt mill-isforzi sabiex naslu għal soluzzjonijiet effettivi li jġibu magħhom tama u fejqan għal dawk li sofrew, u qed isofru mill-effetti li dan il-flaġell iġib miegħu
Il-ħidma tal-FSWS, spalla ma’ spalla mal-Aġenzija Sedqa, hija essenzjali biex il-problema tad-droga u vizzji oħra jinżammu fuq nett tal-aġenda tal-politika soċjali ta’ pajjiżna.
Tul is-snin, Sedqa, provdiet l-għajnuna biex individwi li jkunu għaddew mis-sofferenzi li ġġib magħha d-droga jsibu rifuġju, u permezz tal-programm estensiv, ikunu jistgħu jibdew it-triq lura fis-soċjetà.
Sa mill-bidu bikri tagħha, bħala rispons għar-rapport Meli dwar l-użu ta’ sustanzi illeċiti u konsum ta’ alkoħol eċċessiv, l-Aġenzija kienet ippernjata li tħaddan il-prinċipji tar-rijabilitazzjoni u rijintegrazzjoni lura fil-komunitajiet tagħna.
Dawn il-prinċipji evovlew hekk kif il-problemi relatati mal-vizzji żdiedu b’mod mgħaġġel f’pajjiżna, u l-Aġenzija bdiet taħseb biex taġġorna l-metodi ta’ prevenzjoni u kura mill-abbużi ta’ sustanzi u vizzji.
Dan seta’ jseħħ biss permemzz ta’ servizzi multidixxiplinari li jingħataw mill-istess Aġenzija, u li jduru mal-bżonnijiet tal-klijenti tagħha, u servizzi ta’ kura preventiva, medika u wkoll servizzi oħra soċjali.
Servizzi iffukati fuq l-attenzjoni medika, offruti f’Dar l-Impenn, u s-servizzi ta’ rijabilitazzjoni ċentralizzati fil-Komunità Santa Marija, jassistu lill-klijenti flimkien mal-familji tagħhom biex jingħataw servizz tal-ogħla kwalità filwaqt li jibqgħu jimtlew bil-kuraġġ u bit-tama: emozzjonijiet tant bżonnjużi biex wieħed jaffaċċja dan il-vjaġġ diffiċli.
Il-programmi residenzjali ta’ 14-il xahar fil-Komunità Santa Marija speċifikament jipprovdi għar riabilitazzjoni fis-soċjetà ta’ min ikun sar dipendenti fuq id-droga, filwaqt li jgħinu lill-klijenti jikkonfrontaw feriti tal-passat u jitgħallmu modi ġodda ta’ għajxien li huma aktar b’saħħithom, aktar stabbli u aktar rispettużi lejhom infushom u lejn ħaddieħor.
Kemm huwa sabiħ li fil-qofol tal-programmi mogħtija mis-Sedqa hemm l-opportunita’ għall-żerniq ġdid – il-konvinzjoni li kull persuna jistħoqqilha ċans ieħor, u li bl-appoġġ it-tajjeb, jisbaħ futur ġdid.
Lill-Aġenzija Sedqa ma narahix biss bħala fornitur ta’ servizz, iżda bħala parti essenzjali mill-fibra soċjali ta’ pajjiżna.
Lil’hinn mill-ħidma tal-Aġenzija u tal-FSWS, nemmen bis-sħiħ fuq l-irwol li għandu jkollha s-soċjetà tagħna stess, fid- differenza li tista’ tagħmel fil-ħajja ta’ kull imġarrab.
Nemmen bis-sħiħ li huwa d-dover tagħna lkoll li nagħtu każ kull individwu li jersaq għall-għajuna, u nkunu minn ta’ quddiem nett biex nassistuh.
Minn inkontri u diskussjonijiet li jkolli ma’ klijenti u familjari tagħhom, għadni nara li għadhom jeżistu preġudizzji soċjali fil-konfront ta’ persuni vittmi tal-vizzji. Min hu vittma jeħtieġ għajnuna u mhux kundanni.
Il-viżjoni tagħna għal pajjiżna għandha tinkludi soċjetà inklussiva, fejn ħadd ma jiġi mormi u fejn kull persuna, irrispettivament mill-passat tagħha, tingħata l-possibbiltà li terġa’ tqum fuq saqajha.
Infakkar, il-vizzju mhuwiex sempliċement falliment personali, iżda sintomu ta’ feriti u inġustizzji aktar profondi, u jsejħilna biex nibnu strutturi li jfejqu biex jinkludu u jħaddnu mill-ġdid.
Qatt ma nistgħu nisħqu biżżejjed fuq kemm hija importanti ir-riintegrazzjoni ta’ dawn sħabna fis-soċjetà li kull wieħed u waħda minnha jifforma parti.
L-edukazzjoni f’waqtha rigward sustanzi u metodi ġodda ta’ dipendenzi, hija ħidma kontinwa, bla waqfien.
Hawn ninnota l-ħidma tagħkom flimkien ma’ stakeholders oħra bħall-Caritas u OASI, biex jiġi mwaqqaf l-użu rikreattiv tal-laughing gas, pass importanti ħafna, u inħeġġiġkom biex dejjem tkunu viġilanti ħallinkomplu nipproteġu u nilħqu lit-tfal u liż-żagħżagħ b’mod aktar dirett, sabiex l-użu tas-sustanzi, kemm jista’ jkun, ma jieħux postu fir-rutina tagħhom ta’ kuljum.
Dan japplika b’mod speċjali għaż-żieda konsiderevoli tas-sustanzi psikoattivi mixtrija onlajn u faċilment aċċessibbli.
Bħal kull sena nappella sabiex intom tkunu l-eżempju ħaj ta’ kif ir-rijabilitazzjoni u l-għajuna offruti minn servizzi tal-FSWS u ta’ entitajiet oħra tassew jgħinu individwi oħrajn li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli, jerġgħu jsibu saqajjhom u jirrintornaw lura fi ħdan il-familji li jħobbuhom, u soċjetà li għandha bżonnhom.
Filwaqt li nirrikonoxxi l-impenn sħiħ tagħkom fil-proċess ta’ rkupru, xtaqt ukoll nirringrazzja f’isimkom lill-familji u l-maħbubin tagħkom, li akkumpanjawkom tul dan il-vjaġġ.
Jekk jiġu perjodu diffiċli, żommu sodi, ftakru f’din il-lejla u fittxu fikom infuskom il-kuraġġ, il-forza li kienu strumentali biex wasslukom sa hawn.
Fl-aħħar, nirringrazzja lil dawk kollha, ħaddiema u voluntiera li bil-ħidma tagħhom itaffu l-pjagi tas-soċjetà li ngħixu fiha. U b’hekk qegħdin ikunu strumentali biex is-soċjetà tagħna tkun aktar sana, reżiljenti u ċ-ċittadini jkunu aktar kapaċi jaffaċjaw l-isfidi li l-ħajja ġġib magħha.