President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza l-ftuħ ta’ disa’ swali ġodda fil-Palazz tal-Gran Mastru

Il-laqgħa tagħna hawnhekk illum għandha sinifikat qawwi.

Mhijiex biss l-inawgurazzjoni (jiena ngħid, il-ftuħ) tas-Swali Statali tal-Palazz li bnew il-Kavallieri tal-Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta, iżda hija l-quċċata ta’ perkors storiku u kostituzzjonali, l-evolviment tal-poplu Malti minn poplu maħkum għar-rikonoxximent ta’ Malta bħala Nazzjon u Stat Sovran – b’dawk l-imsiebaħ kollha ta’ ħsibijiet u tidwir rigward kunċetti, tifsiriet u interpretazzjonijiet, legali, storiċi u ta’ antropoloġija soċjoloġika, li l-kliem, stat u nazzjon, inebbħu fl-imħuħ u fil-qlub.

Dan il-Palazz kein wieħed mill-ewwel binjiet li nbnew fil-Belt il-Ġdida.

Il-funzjonijiet tiegħu, tul is-snin, kienu varji: minn residenza uffiċjali tal-Gran Mastri, is-sedja tal-Gvern fiż-żmien il-Franċiżi u l-Ingliżi, u fil-preżent, is-Sedja tal-Presidenza tar-Repubblika.

Il-Palazz ra żviluppi fit-tmexxija li messew lill-poplu tagħna profondament.

Mir-riformi rivoluzzjonarji li seħħew tul is-sentejn tal-ħakma Franċiża li abollixxiet is-sistema fewdali u l-privileġġi, li kienet tfisser, inkluż dawk reliġjużi,

    • billi żergħet il-mikrokożmi ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi,
    • sekularizzazzjoni tal-amminstrazzjoni ġuridika, fi ftit kliem, xetlet is-sekularizzazzjoni tal-istat,
    • sal-proklami u l-Orders in Council, il-parti l-kbira minnhom, pragmatiċi għall-aħħar, intiżi biex iservu l-iskop tas-setgħu interperjali Ingliża,
    • sakemm sa’ fl-aħħar, fil-kurituri tan-naħa tax-xellug fejn qiegħda dan il-mument, seħħew l-avvenimenti li welldu l-Indipendenza ta’ pajjiżna u r-Repubblika li kull Malti u Maltija għandu jweġġaħ.  Is-swali ta’ dan il-Palazz li nfetħu għall-pubbliku ser ikunu opporotunità għal kulħadd, Maltin u barranin li jżuruna, biex wieħed ikun jista’ jesperjenza mill-viċin il-patrimonju rikk li għandu pajjiżna. 

Il-Kmamar Statali issa mhux ser ikunu qed jilqgħu fihom biss dinjitarji, iżda ser ikunu wkoll għal kulħadd; f’ċertu okkażjonijiet, xorta ser jospitaw ċerimonji tal-istat.

Is-sala tal-Ambaxxaturi hija sinonima mal-għoti tal-kredenzjali ta’ Ambaxxaturi kreditati lill-pajjiżna u tintuża regolarment għal din il-parti mix-xogħol tal-Presidenza.

Dan filwaqt illi s-sala tat-Tron hija sinonima mal-għoti tal-onorifiċenzi u d-diskors li jsir f’Jum tar-Repubblika.

Difatti, kull sala inawgurata llum għandha l-istorja partikolari tagħha.

Kif ntqal kemm-il darba, ir-restawr tal-Palazz sar b’investiment ta’ b’aktar minn EUR 40 Miljun, ffinanzjat mill-Gvern Malti u bi EUR 18 Miljun minnhom ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Dawn il-flus waħedhom ma kienux jirriżultaw f’dak li għandna llum li kieku ma kienx għall-ħsieb, dedikazzjoni u viżjoni tad-diriġenti ta’ Heritage Malta, għal dak li jirrigwarda il-patrimonju Malti.

Ma dawn irrid nżid u nirrikonoxxi bis-sħiħ, il-passjoni u l-maestrija tal-imgħallma u l-ħaddiema li ħadmu f’dan il-proġett.

Ma nistax ma nsemmix il-grinta, u l-isforz, sabiex jiġu traċċati, u meta l-fondi jippermettu, jinxtraw u jinġiebu lura f’posthom, ġo dan il-Palazz u ġo Malta, artifatti li maż-żmien, għal xi raġuni jew oħra, jew f’ċertu ċirkostanzi, rabbew is-saqajn u l-ġwienaħ!

Iżda, dawn is-swali ma kienux ikunu attrezzati kif inhuma, mgħammrin b’għamajjar tal-epoka, li kieku ma kienx għall-ġenerożità u l-ispirtu patrijottiku tas-Sur Paul Żammit, li rregala oġġetti ta’ preġju storiku, artistiku u kulturali lin-nazzjon.

Din hija opra tajba li ser ikomplu jgawduha wkoll ġenerazzjonijiet futuri, u l-ġest tas-Sur Żammit għandu jkun ta’ eżempju biex oġġetti mprezzabbli ma jiġux sparpaljati u jafu jispiċċaw barra minn pajjiżna.

Rikkezzi kulturali, jinsabu wkoll f’ċerta djar tagħna, u jiena nappella biex fejn ikun possibbli, dawn jiġu ddonati, u f’ċirkostanzi varji u partikolari, jkun hemm arranġamenti mal-familjari li jappartjenu għalihom.

M’inix biss nalludi għall-pitturi u għamajjar, iżda wkoll għal manuskritti, pubblikazzjonijiet rari li posthom huwa fl-Arkivji u l-Bibliojetka Nazzjonali.

Dan għaliex dawn huma parti tanġibbli tal-memorja kollettiva tagħna.

Ippermettuli nagħmel referenza żgħira għall-kappella li ser tiġi inawgurata llum. S’issa, din il-kappella għadha mingħajr it-titular tagħha, liema pittura titulari ta’ Filippo Paladini (1589) datata elf ħames mija u disgħa u tmenin, tirrappreżenta l-hekk imsejħa “Madonna di Malta”; tirrafigura il-Madonna b’żewġ qaddisin, żewġ figuri ewlenin, li fost anġli u uċuħ li jidhru fl-istess kwadru, għandhom pożizzjoni prominenti, u l-qaddisin huma San Ġwann u San Pawl.

Din il-pittura tinsab fil-Palazz Arċiveskovili li hemm f’tarf Triq l-Arċisqof il-Belt Valletta.

Din f’xi żmien ġiet regalata lill-Isqof Ferdinando Mattei, li kien isqof bejn l-1807 u l-1829 mill-Kummissarju Ċivili, Hildibrand Oakes, li serva bejn Mejju tal-1810 sa Ottubru tal-1813, qabel ma’ Malta kellha l-ewwel Gvernatur fil-persuna ta’ Sir Thomas Maitland, li sar Gvernatur f’Ottubru tal-1813.

Naf li kienu għaddejjin diskussjonijiet bejn Heritage Malta u l-Kurja tal-Arċisqof biex din il-pittura terġa’ ssib postha fil-kappella f’dan il-palazz, u kien hemm indikazzjonijiet li ser jintlaħaq ftehim.

Nawgura li b’eżerċizzju ta’ proporazjonalita’ u buon sens iseħħ ftehim fejn il-pittura ta’ Paladini għal kappella tal-Palazz tkun miġbura hawn flimkien mal-opri l-oħra tal-istess Paladini.

F’isem il-Presidenza nirringrazzja lil kull min ħadem u stinka biex dan il-proġett jirnexxi.

toggle icon
President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.