President
Myriam Spiteri Debono

President
Myriam Spiteri Debono

Il-President tindirizza lill-ġurnalisti waqt iċ-ċerimonja tal-IĠM Awards

Inġbarna hawn illejla għal din l-attività annwali, li issa daħlet għat-tlieta u tletin (33) edizzjoni tagħha.

Illejla hija l-ewwel darba li qed issir din l-attività minn mindu l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ġie rikonoxxut b’mod uffiċċjali bħala trade union f’pajjiżna. 

Dan il-pass jawgura tajjeb għas-settur ġurnalistiku, u għandu jsaħħaħ ir-rikonoxximent li l-ġurnaliżmu huwa professjoni li jistħoqqlu protezzjoni u appoġġ .

Jidhirli illi huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, illi din is-sena, l-Awards ġew miftuħa għal kull min jaħdem fil-qasam ġurnalistiku u tal-midja, mhux biss għall-membri tal-IĠM. 

L-għan aħħari ta’ dawn il-premjijiet huwa r-rikonoxximent lejn ix-xogħol indispensabbli li tagħmlu  fis-settur tagħkom, u dan il-ftuħ jawgura tisħiħ tal-għaqda li għandu jkun hemm bejnietkom.

Mill-qasam investigattiv, għal dak ambjentali, għal dak legali u politiku, il-ħidma ta’ kull ġurnalist iddur mal-kunċett tat-twassil tal-aħbar b’mod ċar u konkret, u fuq kollox b’mod onest u veritier, bl-iskop li jagħti informazzjoni oġġettiva.

Huwa għalhekk, li kif kemm-il darba sħaqt, il-ġurnalist għandu dmir importanti soċjali lejn is-soċjetà tagħna, li jmur ‘lil hinn minn sempliċiment individwu li jirrapporta x’ġara. 

 Il-professjoni tagħkom iġġorr magħha responsabbiltà kbira li tinfurmaw, b’mod ċar u korrett, lill-pubbliku li hemm hemm barra. 

 L-oġġettività fil-preżentazzjoni hija kruċjali; jekk l-oġġettività tkun nieqsa, hemm ir-riskju li jiżdiedu l-preġudizzji u polarizzazzjoni li jxaqilbu lejn estremitajiet, u tissaħħaħ, flok tixxejjen, ir-realtà tal-firxa ta’ fake news; problema li rnexxielha tinfed f’kull strata tas-soċjetajiet b’mod globali, u li jidher li kibret mal-firxa tat-teknoloġija fil-qasam tal-aħbar. 

Fl-aħħar sondaġġ li sar u li ġie ppreżentat fl-Istat tan-Nazzjon ta’ din is-sena, juri kif aktar u aktar Maltin, preżentement sebgħin fil-mija (70%), qed jippreferu l-mezzi tal-midja soċjali biex jinfurmaw lilhom infushom.

Dan iġib miegħu dmirijiet ġodda għall-ġurnalist u l-pjattaformi ta’ aħbarijiet lokali fejn il-ġurnalist għandu jivverifika s-sorsi tiegħu u fuq kollox iwassal l-aħbar b’mod dirett u ċar.

Flimkien mad-dmir tagħkom bħala x-xandara tal-aħbar lill-poplu, il-fergħa eżekuttiva għandha wkoll l-irwol li tipproteġi, bil-mezzi kollha li jkollha, ix-xogħol tal-ġurnalist.

Il-Gvern, tramite l-Ministeru għall-Ġustizzja, qed iwettaq konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riforma fil-Midja. Dan huwa pass importanti li ilu ġej.  Huwa d-dmir tas-soċjetà illi ssostni lil ġurnalist fid-doveri tiegħu li jinforma lis-soċjetà. 

In-naħa l-oħra tal-munita hija illi l-poplu għandu dritt li jkun infrumat.  Għalhekk, din ir-rabta intrinsika bejn min jipprovdi tagħrif dwar l-aħbar, u li l-poplu jirċievi l-aħbar, hija bażilari għal soċjetà demokratika fejn id-drittijiet u d-doveri fil-qasam tal-informazzjoni kwotidjana huma magħġuna fit-tessut demokratiku tas-soċjetà. 

Inħeġġeġ lill-IĠM u lil kull min jaħdem fis-settur biex jagħtu l-kontribut tagħhom fl-ifformular ta’ din ir-riforma. 

Hemm il-bżonn ta’ strutturi li jassiguraw għajxien diċenti lil dawk li jidħlu f’din il-professjoni, li ġġib magħha kundizzjonijiet ta’ xogħol iebsa u f’ċerta ċirkostanzi riskjużi. 

Din hija neċċessità; Nifhem li preżentement, wieħed mill-akbar uġiegħ ta’ ras fis-settur ġurnalistiku huwa n-nuqqas ta’ ġurnalisti, u waħda mir-raġunijiet għal dan in-nuqqas hija propju il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u l-ħlas għax-xogħol.   

Għalhekk, il-mistoqsija f’dan ir-rigward, tiġi waħedha: X’irridu nagħmlu sabiex inħeġġu aktar żgħażagħ u mħuħ investigattivi u ġodda sabiex jissieħbu f’dan is-settur ferm kruċjali?  Għalhekk hija bżonnjuża r-riforma, illum qabel għada.

Hawn jidħol l-irwol tal-ġurnalisti kurrenti u anke dawk veterani, li bil-kitba u r-rappurtaġġ tagħhom, għandhom jippromwovu ġurnaliżmu matur, etiku u rispettat, u jkunu ta’ eżempju għaż-żgħażagħ li jidħlu fis-settur. 

Jekk il-ġurnaliżmu jiġi pprattikat b’mod etiku u b’integrità, għandu s-saħħa li jispira diversi individwi, fosthom dawk li għadhom żgħar, biex jidħlu għal din il-professjoni bl-għan li jipproteġu u jippromwovu, jinfurmaw dwar fatti, janalizzaw sitwazzjonijiet u wkoll iħeġġu l-użu tal-libertà tal-espressjoni li tkun imsejsa fuq l-għarbiel u l-analiżi ta’ informazzjoni li tasal għand il-poplu, u fuq kollox u dejjem b’rispett lejn il-verità.  

Il-ħidma ma tiqafx hawn, anzi, trid tkompli.  B’mod konġunt, il-Gvern u l-partijiet interessati kollha jridu jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni u b’hekk jitnaqqsu l-ostakli għar-rikjesti magħmulha minnkom il-ġurnalisti, fosthom it-Talba għal-Libertà tal-Informazzjoni (Freedom of Information Requests).

Dan il-pass mhux biss isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fl-indiċi tal-World Freedom Press Index, fejn tul din l-aħħar sena, Malta avvanzat sitt postijiet meta mqabbel mas-sena l-oħra, iżda għaliex f’dan is-settur, il-verità u s-sewwa għandhom dejjem ikunu il-kumpass reġġenti. 

Il-libertà tal-midja mhijiex privileġġ għall-ftit, iżda garanzija għal kulħadd. Minkejja li l-liġijiet lokali u anke internazzjonali, bħall-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja, jipprovdu tisħiħ fil-protezzjoni tal-ġurnalisti, il-leġiżlazzjoni waħedha ma tistax toħloq il-kultura ta’ rispett li l-ġurnaliżmu jeħtieġ mingħajr ma, lkoll kemm aħna, nirrikonoxxu r-rabta bejn il-midja, u d-dritt tal-poplu li l-midja tinfurmah b’mod konkret. 

Meta dawn ikunu nieqsa, inħoss li dan ikun ifisser illi l-awtonomija tal-individwi, id-dritt tal-individwu li jagħżel b’mod ħieles, għax ikun infurmat, qed ikunu mirfusa. 

Sinjuri,

B’ħarsa ħafifa madwar id-dinja, nindunaw kemm is-sitwazzjoni ġeo-politika tinsab f’qagħda kritika, u speċjalment f’żoni ta’ konflitt bl-armi, taffettwa l-ħajja ta’ kuljum ta’ eluf ta’ individwi u ċittadini.

Din testendi wkoll għall-ġurnalisti li, bi qlubija, dedikazzjoni u sagrifiċċji kbar, jiffaċċjaw ostakli kbar ħafna biex jagħmlu xogħolhom u jirrappurtaw, is-sitwazzjoni f’żoni ta’ konflitt.

Fuq dan l-aspett, infakkru fil-ġurnalisti li nqatlu fil-Medda ta’ Gaża minn mindu beda l-konflitt f’Ottubru tal-2022.

Ix-xogħol u s-sagrifiċċju ta’ dawn l-irġiel u n-nisa li jħallu kollox warajhom u jiddedikaw il-ħajja tagħhom biex jinfurmawna għandu  jingħata piż. Nemmen li għandu jingħata piż li jekk ikun sar feriment jew qtil ta’ ġurnalist waqt li qiegħed fuq il-lant tax-xogħol tiegħu, għandu jingħata rikonoxximent li huwa reat aggravat.

Iżda l-konflitti m’humiex biss dawk bl-armi.  Hemm il-konflitti tal-interessi, ta’ dawk illi ma jkunx jaqblilhom li jkun hemm investigazzjonijiet fuq l-aġir tagħhom, speċjalment meta jkun aġir illi jkun ta’ dannu għas-soċjetà imma ta’ gwadann għall-ftit. 

Ma nistax ma nsemmix, dak li ġara Ruma, żewġt iljieli ilu u nħeġġiġkom biex, kif l-assoċjazzjonijiet kienu hemm wara dan il-ġurnalist, biex jiddefendu mhux biss lilu imma d-dritt tagħhom li jagħmlu xogħolhom sew, imma llum li sirtu union, tkunu hemm għal xulxin. Hemm hi s-saħħa, u importanti li mal-aħbar turu lill-poplu wkoll kif tgħixu minn ġurnata għall-oħra; is-sigħat li taħdmu, kemm il-pagi mhux relatati mas-sagrifiċċju li hemm f’dan ix-xogħol. Lill-poplu tridu tinfurmawh dwar hekk ukoll, u l-poplu jrid jifhem li hu wkoll għandu dritt li jiġi infurmat. Intom għandkom l-għodda biex tinfurmawh. Nara li hi nieqsa din is-sinerġija li għandu jkun hemm bejn poplu li jirrikonoxxi l-istat ta’ fatt fuq liema bażi hu mibni, u intom bħala professjoni.

Illejla, hekk kif qed niċċelebraw il-ġurnaliżmu u l-importanza li jkollna livell għoli ta’ twassil tal-aħbar, ejjew niftakru li kull storja riċerkata, kull investigazzjoni li tiġi segwita, u kull mistoqsija diffiċli li ssir, qed tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sistema demokratika tagħna, sistema li, le, mhix perfetta, iżda li f’dawn l-aħħar snin, kien hemm twessiegħ tal-firxa ta’ tmexxija. 

Ir-riformi li jsaħħu l-professjoni ġurnalistika għandhom ikun u parti integrali minn dan it-twessiegħ li huwa dritt tal-poplu fi stat demokratiku, u jiżgura il-governanza tajba li hija s-sinsla tal-kunċett bażilari tad-demokrazija li t-tmexxija fl-aħħar mill-aħħar hija tal-poplu, u l-poplu jixraqlu l-aħjar minn kull aspett.

Nifraħ mill-ġdid lil dawk kollha li ġew rikonoxxuti llejla għal ħidmiethom u nirringrazzjakom l-impenn tagħkom għall-verità, l-eżattezza, u d-dmir pubbliku li jagħmilkom sħab fil-proġett demokratiku ta’ pajjiżna.

Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].

President Myriam Spiteri Debono
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.