Nibda billi nesprimi l-gratitudni tiegħi lis-Sur Mark Vella, aġent Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, tal-istendina. Huwa pjaċir għalija li nkun magħkom illejla, speċjalment peress li din is-sena qegħdin ukoll infakkru il-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman.
Jum l-Ewropa hija okkażjoni speċjali li fiha niċċelebraw l-identità Ewropea tagħna u l-valuri li jagħqduna: id-dinjità tal-bniedem; il-libertà; id-demokrazija; l-ugwaljanza; is-saltna tad-dritt; u d-drittijiet tal-bniedem. Ġurnata li tistedinna nġeddu l-impenn tagħna lejn dawn il-valuri sabiex jiggwidawna f’xenarju ġeopolitiku kumpless u turbolenti, u jispirawna biex inkomplu naħdmu għall-paċi dinjija.
Ftit jiem ilu, il-Kummissarji tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti Filippo Grandi stqarr quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà li ‘dan huwa l-istaġun tal-gwerra’ u li ‘l-vjolenza saret il-munita li tiddefinixxi żminijietna’. Dan il-kliem dirett u punġenti jiddeskrivi l-gravità tas-sitwazzjoni globali li qed ngħixu fiha.
Huwa importanti iktar minn qatt qabel li l-Unjoni Ewropea tkompli tappoġġa is-sewwa. Trid tkompli tkun vuċi b’saħħitha u konsistenti għall-ġustizzja madwar id-dinja.
Kif qal Robert Schuman 75 sena ilu, u nikkwota: ‘Il-paċi dinjija ma tistax tiġi salvagwardjata mingħajr ma jsiru sforzi kreattivi proporzjonati għall-perikli li jhedduha’.
L-Unjoni Ewropea l-ewwel u qabel kollox tnisslet bħala proġett ta’ paċi, u l-paċi hija parti integrali mid-DNA Ewropew tagħna. Il-paċi sseħħ b’xogħol iebes, persistenza, u dedikazzjoni.
Sfortunatament, l-aħbarijiet ta’ spiss ifakkruna li għadhom meħtieġa sforzi sostanzjali u sostnuti sabiex niksbu l-paċi. Miljuni madwar id-dinja qed isofru l-piż tal-gwerra u l-konflitt, filwaqt li l-ksur tad-dritt internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali jippersisti b’impunità.
Il-proliferazzjoni ta’ atturi armati, attakki fuq ċivili u l-infrastruttura ċivili, u miżuri restrittivi qed joħolqu sfidi straordinarji u ostakli insormontabbli għall-ħaddiema umanitarji li b’altruwiżmu assolut jistinkaw biex jiżguraw rispons adegwat u f’waqtu fejn hemm bżonn.
Minkejja l-appelli kollha, l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna għadha għaddejja. Għexieren ta’ eluf inqatlu u ġew spostati mill-bidu ta’ din il-gwerra illegali u illeġittima fi Frar tal-2022.
Lanqas ma nistgħu ninsew is-sitwazzjonijiet fis-Sudan, fir-Republika Demokratika tal-Kongo, f’Ħaiti, fl-Afganistan u fil-Mjanmar, konflitti li għad qed ikollhom impatt negattiv fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni. In-nisa u t-tfal, b’mod partikolari, qiegħdin affettwati b’mod sproporzjonat.
F’Gaza, il-poplu Palestinjan qed jgħix taħt bumbardamenti kontinwi li ma juru l-ebda sinjal ta’ tnaqqis. Id-deċiżjoni tal-Iżrael li timblokka d-dħul tal-għajnuna umanitarja fl-Istrixxa qed taggrava din it-tbatija, u dawn il-miżuri għandhom jiġu revokati immedjatament u mingħajr aktar dewmien.
L-intenzjoni li tiġi estiża l-operazzjoni militari bi spostament furzat tal-popolazzjoni Palestinjana minn Gaza ġġib stmerrija u kundanna. L-istorja u l-ġrajjiet tal-passat juruna li deċiżjonijiet u azzjonijiet li jmorru kontra d-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, partikularment azzjonijiet li jmorru kontra l-umanità, iwasslu għal tbatija immensa u konsegwenzi li jibqgħu jirreżonaw tul iż-żmien.
F’dan il-kuntest, wieħed jinnota li l-istqarrija konġunta maħruġa mir-Rappreżentant Għoli Kallas, u l-Kummissarji Šuica u Lahbib fuq din is-sitwazzjoni kienet ferm f’waqtha. Iżda l-isforzi biex tirrennja r-raġuni jridu jkomplu b’mod intensiv.
Malta dejjem kienet fuq quddiem biex tħaddan u tippromwovi l-prinċipji tad-djalogu u d-diplomazija. Dejjem tkellmet biex tiddefendi d-drittijiet tal-persuni milquta mil-konflitt, u tisħaq fuq aċċess umanitarju immedjat u mingħajr xkiel.
Konstituzzjonalment aħna stat newtrali. Madanakollu, dan ma jfissirx li aħna indifferenti fil-konfront tas-sofferenza, t-tbatija, u l-inġustizzja li qed isorfi ħadd ieħor. Anzi, aħna pajjiż li attivament irid il-paċi, s-sigurtà, u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha.
Dejjem użajna n-newtralità tagħna b’mod kostruttiv u effettiv. Irbaħna l-fiduċja tal-komunità internazzjonali billi nikkontribwixxu fl-ambitu internazzjonali b’responsabbiltà u b’onestà.
Urejna dan f’mod ċar meta pajjiżna serva fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2023 u l-2024, u bħala Chairperson-in-office tal-OSCE fl-2024. Dawn huma l-prinċipji li ser ikomplu jiggwidawna hekk kif għandna kif assumejna l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa.
Minn barra il-gwerer u l-konflitti, irridu niffukaw ukoll fuq il-kriżi klimatika, theddida eżistenzjali li ser ikollha konsegwenzi serji jekk ma jittiħdux passi deċiżivi.
Il-Mediterran qed jesperjenza temperaturi ogħla, mewġiet ta’ sħana fit-tul, nixfiet, u nirien fil-foresti. Dawn il-fenomeni dejjem aktar frekwenti qed jheddu l-agrikoltura, ir-riżorsi tal-ilma, u s-saħħa pubblika.
Fil-Karibew u l-Paċifiku, iż-żieda fil-livell tal-baħar qed ikollha impatt fuq il-gżejjer żgħar u l-istati li qed jiżviluppaw (SIDS) u l-komunitajiet kostali.
Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima qed jaġixxi bħala multiplikatur tat-theddid f’żoni milquta minn konflitti, li jħalli liċ-ċivili jiffaċċjaw in-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u tal-ilma jew il-ġuħ.
L-immigrazzjoni irregolari ukoll teħtieġ soluzzjoni olistika u sostnuta bażata fuq il-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem u s-solidarjetà. Bħala pajjiż fiċ-ċentru tar-rotta perikoluża tal-Mediterran Ċentrali, Malta tifhem bis-sħiħ il-kumplessità tal-kwistjoni u l-vulnerabilità tal-immigranti.
Din hija r-raġuni għaliex aħna nemmnu li approċċ komprensiv huwa meħtieġ. Approċċ li jfittex li jindirizza l-kawżi ewlenin ta’ dan il-fenomenu, u li jinkludi r-riżoluzzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti, l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u soluzzjonijiet sostenibbli u dejjiema. It-tkissir tal-mudell kummerċjali tat-traffikanti u n-networks tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin huwa aspett fundamentali.
Huwa wkoll inkwetanti li l-era diġitali wasslet għal żieda esponenzjali fil-misinformazzjoni u d-disinformazzjoni fis-soċjetajiet kollha. Għalhekk nisħqu li l-edukazzjoni hija kruċjali biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tagħna jkunu mgħammra bl-għodod meħtieġa biex jiddistingwu bejn aħbarijiet fattwali u oħrajn li huma maħluqin biex ifixklu u jimmanipulaw.
F’dan it-taqlib, ma nistgħux ninsew ir-realtajiet fundamentali tal-ħajja u problemi ekonomiċi li jikkonċernaw liċ-ċittadini Ewropej. L-isforzi biex jimbuttaw il-kompetittività tal-kontinent, jixprunaw it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni, u jgħinu fil-ħolqien ta’ impjiegi aħjar huma inkoraġġanti, u għandhom jgħinu biex l-Ewropa tkun f’pożizzjoni tajba biex tkompli tirnexxi.
Madanakollu, iridu jittieħdu wkoll miżuri biex jiġi żgurat li l-prinċipji tal-ġustizzja u l-ugwaljanza soċjali jiġu riflessi b’mod adegwat, u li jkun hemm fis-seħħ is-salvagwardji meħtieġa biex itaffu l-effetti mhux intenzjonati.
Eċċellenzi, mistednin distinti,
Jum l-Ewropa hija wkoll ġurnata li ttina l-opportunità li niċċelebraw id-diversità tagħna. L-Ewropa qatt ma ħarset biex twarrab jew telimina l-kulturi nazzjonali u tissostitwixxijhom b’identità uniformi. Xejn minn dan. L-Unjoni Ewropea inbniet u kompliet tifforma ruħha bħal mużajk, magħmula minn ħafna partijiet differenti li meta jitpoġġew flimkien jiffurmaw stampa rikka u vibranti.
Bħal mużajk, l-Unjoni tiddependi ukoll fuq bilanċ delikat bejn is-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha u l-ambizzjoni kontinentali. Iż-żewġ dimensjonijiet għadhom jimxu id f’id sabiex jassiguraw li l-UE tibqa’ attur rilevanti, u li jkollha l-post li jistħoqqilha madwar il-mejda tad-diskussjonijiet, speċjalment f’dawk li għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà u l-stabbilità tagħha.
F’dan kollu, aħna ċ-ċittadini għandna ukoll id-dover u r-responsabbiltà li nkomplu ngħożżu u nissalvagwardjaw it-tradizzjonijiet u l-wirt storiku li tagħna, li jinkludi l-lingwi nazzjonali. L-identità Ewropea u l-identità nazzjonali ta’ kull wieħed u waħda minna huma, u għandhom jibqgħu ikunu, komplementari ma’ xulxin.