Iltqajna hawn illejla għal din iċ-ċelebrazzjoni annwali li tagħti rikonoxximent lil persuni u organizzazzjonijiet li, bil-ħidma u l-impenn tagħhom, jagħtu tifsira konkreta lill-kunċett ta’ anzjanità attiva.
Il-premjijiet li ngħataw illejla huma rikonoxximent mistħoqq. Iżda nemmen li huma wkoll okkażjoni biex bħala soċjetà nirriflettu dwar kif inħarsu lejn l-anzjanità, u fuq kollox, lejn il-persuna anzjana.
Qed ngħixu aktar. Dan huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-progress soċjali u mediku ta’ żminijietna. Iżda l-isfida tagħna llum mhijiex biss li ngħixu ħajja itwal, iżda li niżguraw li dawn is-snin ngħixuhom bl-aħjar kundizzjonijiet ta’ kwalità ta’ ħajja possibbli, b’dinjità, b’indipendenza u b’parteċipazzjoni fis-soċjetà.
L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juruna li fi tmiem is-sena li għaddiet, tmintax punt erbgħa (18.4) fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex kellha ħamsa u sittin (65) sena jew aktar. Aktar minn erbat elef persuna kellhom disgħin (90) sena jew aktar.
Dawn mhumiex biss ċifri demografiċi. Huma realtà li għandha twassalna biex naħsbu u nippjanaw għal pajjiż li jwieġeb dejjem aħjar għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ.
U meta nitkellmu dwar dawn l-aspirazzjonijiet, ma nistgħux nillimitaw ruħna biss għall-kura.
Il-kura hija essenzjali, speċjalment meta l-età ġġib magħha diffikultajiet fiżiċi jew kundizzjonijiet li jnaqqsu l-indipendenza tal-persuna. Iżda anzjanità dinjituża tfisser ukoll kumpanija, parteċipazzjoni, moviment, tagħlim, kultura, volontarjat, kuntatt mal-ġenerazzjonijiet iżgħar u, fuq kollox, li l-persuna tibqa’ tħoss li għandha post u skop fil-komunità.
Hawnhekk tinsab, fil-fehma tiegħi, il-vera tifsira tal-anzjanità attiva.
Ma tfissirx li kull persuna anzjana trid tkun kapaċi tagħmel l-istess affarijiet jew iżżomm l-istess ritmu. Lanqas għandna nkejlu l-valur ta’ persuna skont kemm tiflaħ tagħmel. L-anzjanità attiva trid tirrispetta l-kapaċitajiet, iċ-ċirkostanzi u anke l-limitazzjonijiet differenti ta’ kull persuna.
Iżda fejn teżisti x-xewqa u l-possibbiltà li persuna tibqa’ parteċipi, għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex il-bibien jibqgħu miftuħa.
Fil-fatt, is-sitt kategoriji ta’ premjijiet ta’ din is-sena jagħtuna stampa sabiħa ta’ kemm dan il-kunċett huwa wiesa’. Qed nirrikonoxxu l-anzjanità attiva nnifisha, iżda wkoll il-kontribut fl-innovazzjoni u t-teknoloġija, fil-kultura, fl-isport, fil-volontarjat u fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.
Kull waħda minn dawn l-oqsma twassal messaġġ wieħed: l-età m’għandhiex tkun ħajt li jifred lill-persuna mill-bqija tas-soċjetà.
Anzi, il-ġenerazzjonijiet anzjani għandhom esperjenza li pajjiżna ma jistax jaffordja jitlef.
Għalhekk nieħu gost b’mod partikolari meta nara inizjattivi li jlaqqgħu flimkien lill-ġenerazzjonijiet. F’soċjetà li tinbidel b’pass mgħaġġel, hemm ħafna li ż-żgħażagħ jistgħu jgħallmu lill-anzjani, iżda daqstant ieħor hemm ukoll ħafna li l-anzjani jistgħu jgħaddu liż-żgħażagħ.
Għalhekk għandna bżonn aktar spazji fejn dan l-għarfien jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Għandna bżonn soċjetà fejn iż-żgħażagħ ma jarawx lill-anzjani bħala ġenerazzjoni mbiegħda minnhom, u fejn l-anzjani ma jħossuhomx barranin u esklużi mid-dinja ta’ madwarhom li qed tinbidel b’mod mgħaġġel.
F’dan ir-rigward irridu nirrikonoxxu l-isfida li ntaffu l-effetti li din il-ħajja mgħaġġla għandha fuq is-soċjetà tagħna — Is-solitudni ta’ l-anzjani hija realtà iebsa.
Nistgħu noħolqu servizzi tajbin ħafna, iżda l-ebda servizz ma jista’ jissostitwixxi kompletament ir-relazzjonijiet umani. Telefonata, żjara, konverżazzjoni jew stedina biex persuna tingħaqad f’attività jistgħu jidhru affarijiet żgħar, iżda għal min iqatta’ ħafna ħin waħdu jfissru ħafna.
Għalhekk il-ġlieda kontra l-iżolament tal-anzjani ma tistax tkun biss responsabbiltà tal-Istat. Hija responsabbiltà tal-familji, tal-komunitajiet, tal-għaqdiet volontarji, tal-Kunsilli Lokali, tal-ġirien u, fl-aħħar mill-aħħar, tagħna lkoll.
Huwa pożittiv li l-Gvern qed ikompli jagħti importanza lill-possibbiltà li l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u fid-dar tagħhom, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għalihom. Fost il-miżuri li komplew jissaħħu matul din is-sena hemm l-għajnuna mogħtija lil anzjani li jimpjegaw carer tal-għażla tagħhom, filwaqt li servizzi oħra fil-komunità għandhom l-għan li jsostnu u jsaħħu l-indipendenza tal-persuna.
Dan huwa importanti għaliex l-indipendenza mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ fejn tgħix persuna. Hija marbuta mad-dinjità u mal-libertà li, kemm jista’ jkun, tibqa’ tagħmel għażliet dwar ħajtek.
Fl-istess ħin, kull politika dwar l-anzjanità għandha tibqa’ tisma’ lill-anzjani nfushom.
Għax ħadd ma jaf aħjar minn persuna anzjana x’inhuma l-ostakli li tiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum, x’jagħmilha tħossha inkluża, u x’jista’ jgħinha tibqa’ indipendenti, attiva u parti sħiħa mill-komunità.
U dan iwassalni proprju għal dawk li ġew onorati illejla. B’mod speċjali, nsemmi lil Ġorġ Peresso li rċieva l-ogħla unur – l-Anzjan tas-Sena.
Ġorġ huwa eżempju ta’ anzjanità attiva – attiva għaliex qatt ma waqqaf l-attività, fuq kollox, mentali u intellettwali — u lkoll nagħrfu r-rabta li hemm bejn il-moħħ li jibqa’ jiġi misnun u mħaddem ma’ benesseri oħra.
Lilkom in-nominati u r-rebbieħa ngħidilkom li r-rikonoxximent li qed jingħatalkom mhuwiex biss għall-ħidma li għamiltu. Huwa wkoll għall-eżempju li qed tagħtu.
Qed turu li l-anzjanità jista’ jkollha kapitli ġodda; li wieħed jista’ jiskopri interess ġdid, jagħti ħinu lill-oħrajn, jitgħallem ħila ġdida, jibqa’ attiv fiżikament, jagħti sehmu fil-kultura jew juża l-esperjenza tiegħu għall-ġid tal-komunità.
U lill-organizzazzjonijiet u lil dawk kollha li jaħdmu ma’ persuni anzjani,nirringrazzjakom talli toħolqu l-opportunitajiet biex dan ikun possibbli.
L-anzjani tagħna taw, u għadhom jagħtu, kontribut imprezzabbli lill-familji, lill-komunitajiet u lil pajjiżna.
L-obbligu tagħna mhuwiex biss li nirrikonoxxu dak li taw fil-passat, iżda li napprezzaw dak li għadhom jagħtu fil-preżent.
Nagħlaq billi nifraħ mill-qalb lir-rebbieħa kollha u lil kull min ġie nnominat għall-Premju Anzjanità Attiva ta’ din is-sena.
Nirringrazzja wkoll lill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa, lis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, kif ukoll lil dawk kollha li taw sehemhom fl-organizzazzjoni ta’ din is-serata.