Iltqajna hawn illejla sabiex bħal fi snin l-imgħoddija, sena wara sena, nagħtu ġieħ lil Dun Karm, il-poeta nazzjonali.
Dun Karm, wild Ħaż-Żebbuġ bi tfulija umli, kellu trobbija sempliċi ħafna, li sawret fih il-finezza u l-imħabba lejn dak kollu li huwa ta’ ġensna. Il-figuri tal-ġenituri tiegħu, ommu bidwija u missieru baħħar, ippermettewlu jara, jeżamina u jinterpreta dak ta’ madwaru b’perspettiva umana ħanfa, għax setgħa jmiss b’idejh u janalizza b’moħħu l-karattru tal-Maltin.
Dun Karm bħala poeta nazzjonali jiġbor fil-kitbiet tiegħu s-sentimenti u l-valuri kollettivi li għalihom kull poplu jaspira; fi kliem ieħor, fil-kitba tiegħu, jikkristallizza l-karatteristiċi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa jiċċelebra l-istorja ta’ pajjiżna u jirrifletti dwar il-mixja tagħna, fejn l-antenati sa minn żmien bikri kienu reżiljenti meta affaċċjati bil-problemi.
Huwa għalhekk kruċjali li nifhmu l-importanza dejjiema tal-figura ta’ Dun Karm fejn tidħol l-identità tagħna, fuq kollox fejn tidħol il-lingwa Maltija.
Il-kommemorazzjoni tal-lum hija mument li jgħinna nerġgħu nitfgħu ħarsitna fuq dan il-personaġġ, fuq l-messaġġ tiegħu aktar minn kollox, u kif minn dan il-messaġġ nistgħu nisiltu ħsibijiet u riflessjonijiet li huma attwali, utli u li għadhom rilevanti għal żminijietna.
L-isfidi li ġġib magħha l-bidla, u li qed nesperjenzaw fiż-żminijiet tal-lum, esperjenzahom ukoll l-istess Dun Karm.
L-identità Maltija fi żmienu kienet soppressa mhux ftit mill-influwenza tal-Kolonja Brittannika. Huwa għex fi żmien fejn il-Malti kien maqbud bejn mhux biss żewġ ilsna barranin, iżda wkoll bejn żewġ kulturi barranin.
Fl-ewwel kitbiet tiegħu bil-Malti, Dun Karm għaraf li l-għażla ta’ kitba bil-lingwa Maltija, anke kontra dak li kien ikkunsidrat aċċettabbli fi żmienu, kienet waħda naturali, għaliex il-lingwa Maltija kienet dik il-lingwa li kien jikkomunika biha kuljum ma’ ta’ madwaru.
Il-mibki Professur Oliver Friggieri jiddeskrivi lil Dun Karm mhux biss f’termini letterarji, bħala promotur tal-ilsien Malti permezz tal-kitbiet tiegħu, iżda wkoll bħala simbolu ħabrieki tal-identità nazzjonali.
F’dawn it-termini, Dun Karm serva ta’ promotur ħabrieki tal-lingwa Maltija permezz tal-irwoli li serva tul il-karriera tiegħu, fosthom bħala president tal-Akkademja tal-Malti.
Propju llejla qed infakkru wkoll il-mitt sena anniversarju mill-ewwel edizzjoni ta’ Il-Malti, il-pubblikazzjoni tal-istess Akkademja, li tagħha Dun Karm kien editur għal bosta snin.
Il-ħidma tiegħu, id f’id max-xogħol li kien qed jagħmel Pietru Pawl Saydon permezz tat-traduzzjoni tal-Bibbja, kompliet fuq ix-xogħol ta’ Vassalli, u wittiet it-triq għall-istandardizzazzjoni u promozzjoni tal-ilsien tagħna, anke fost l-akkademiċi li kienu jippreferu lingwi alternattivi.
Din is-sena jaħbat ukoll il-mitejn sena anniversarju minn meta Mikiel Anton Vassalli, ġie maħtur bħala l-ewwel lettur tal-Malti fl-Università ta’ Malta.
Kemm Mikiel Anton Vassalli kif ukoll Dun Karm Psaila kienu figuri li wittew t-triq tal-identità Maltija permezz tal-ilsien tagħna. It-tnejn ħassew li l-Malti kien il-qalba tal-poplu, u li mingħajru ma setgħetx teżisti kultura awtentikament nazzjonali.
Il-pedamenti li ħejja Mikiel Anton Vassalli bil-proċess ta’ purifikazzjoni tal-grammatika u l-lessiku Malti minn dak Taljan, ġew imsaħħa minn Dun Karm bil-kitbiet tiegħu.
Huma f’dawn is-sitwazzjonijiet li Dun Karm kien kruċjali biex l-użu tal-Malti jiġi regolarizzat u jingħata post denju bħala l-ilsien nazzjonali tagħna.
Illum il-Malti jinsab f’salib it-toroq; is-sentiment nazzjonali juri żieda ta’ użu tat-tieni lingwa, tal-Ingliż, flimkien ma’ dik Maltija u qed jiġi reġistrat tnaqqis fl-użu tal-lingwa Maltija bħala l-lingwa primarja tagħna.
Dan ħareġ mill-aħħar edizzjoni tal-eżerċizzju annwali tal-Istat tan-Nazzjon ħareġ li l-użu tal-Malti miż-żgħażagħ tagħna baqa’ jonqos tul dawn l-aħħar snin.
L-użu tajjeb tal-lingwa, il-lingwa omm, għandu jkun inkoraġġit bl-istess spirtu patrijottiku li bih Dun Karm ħadem biex il-Malti jkun meqjus bħala l-ilsien nazzjonali.
Jinħtieġ li l-Malti jintuża b’mod kif suppost u xieraq f’kull qasam tas-soċjetà Maltija u minn kull ġenerazzjoni fis-soċjetà tagħna. In-nuqqas ta’ għarfien ta’ użu ta’ Malti tajjeb iridu jiġu megħluba.
Dan hemm bżonn li jsir in prinċipju, permezz tal-użu ta’ kliem Malti ġa eżistenti u ġa wżat u li biż-żmien, jekk m’aħniex se nużaw dan il-kliem, jaf jintilef.
Dan ma jfissirx illi ma nirrikonoxxux illi biex l-ilsien Malti, kif jixraq li jibqa’ lsien ħaj, ma jevovlix maż-żminijiet, jew ma jiġborx fih ukoll vokabularju ġdid li jkun jirrifletti żviluppi fil-mixja tal-umanità.
Il-lingwa Maltija mhix statika – hija lingwa ħajja u dinamika, li tevolvi skont il-bżonn ta’ min ikun qed jużaha. Aktar ma nużawha aktar inżommuha relevanti għaż-żminijiet kollha.
Il-ħidma mill-entitajiet governattivi u mill-Akkademja tal-Malti fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna biex jitjieb il-livell tal-litteriżmu hija ta’ min jinkoraġġiha bil-kbir.
Għandna naraw li l-Malti jintuża aktar fost tfal fl-istadju bikri tal-edukazzjoni informali tagħhom, fiċ-childcare, u d-dar.
Fuq kollox, għandna nkunu aħna minn ta’ quddiem biex naqraw bil-Malti u nħeġġu lil oħrajn jagħmlu bħalna.
Fid-dawl ta’ dan, ħarsitna ddur lejn Dun Karm mhux biss bħala poeta romantiku u liriku, imma bħala patrijott Malti li xpruna ‘l quddiem l-użu tal-Malti dan jieħu postu fil-ġeneru u l-qalba ta’ dak li jagħmilna Maltin.
Irridu nkunu aħna li nonoraw il-ħidma li saret minn dawk ta’ qabilna, u nispiraw irwieħna mis-sagrifiċċji li għamlu huma.
Nirringrazzja lill-Akkademja tal-Malti u lill-organizzaturi tas-serata tal-lejla, li kull sena jaraw li hu dover li lil Dun karm u ptrijotti oħra ta’ lsienna u l-identità tagħna, b’mod jew ieħor infakkruhom u ntuhom ġieħ.
Grazzi talli qed iżżommu l-memorja tagħhom ħajja, u tinsġuha mal-memorja kollettiva ta’ pajjiżna maż-żminijiet.
Kull riproduzzjoni ta’ dan id-diskors teħtieġ permess minn qabel mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta. Jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fuq [email protected] u [email protected].