Huwa pjaċir kbir tiegħi li nilqgħakom hawn illejla, għat-tnedija tal-ktieb Kartolini minn Ħajti: 80 Sena jirrakkontaw lil Richard Muscat.
Il-ktieb li qed jitnieda llejla huwa ġabra ta’ rakkonti li imissu aspetti mill-ħajja privata u familjari ta’ Richard Muscat, iżda wkoll jitfgħu dawl fuq sitwazzjonijiet u avvenimenti li mhux biss għadda minnhom Richard Muscat, imma għadda wkoll pajjiżna u l-poplu tagħna.
Il-ktieb, permezz tal-14-il kapitlu tiegħu, jagħti kwadri ħajjin ta’ dedikazzjoni attiva u enerġika ta’ bniedem li qatt ma ħares lura, imma dejjem fittex li jidħol għall-piż tal-vjaġġ li jkun imiss.
Ir-rakkonti fil-ktieb joħorġu lill-Richard Muscat bħala raġel tal-familja, li għamel sagrifiċċji kbar biex ikun ta’ servizz lis-soċjetà Maltija – sagrifiċċji li saru wkoll minn martu u minn uliedu.
Richard huwa bniedem li serva f’oqsma differenti tal-ħajja: miċ-ċivil għall-volontarjat, għall-ħajja pubblika, fil-parlament u fl-eżekuttiv, u wkoll fis-servizz diplomatiku barra minn xtutna.
Il-ktieb juri il-ħidma fil-ħajja pubblika ta’ Richard tul is-snin, partikularment il-kontribut tanġibbli tiegħu biex id-dritt ta’ espressjoni ħielsa, u magħha wkoll id-dritt li l-opinjoni tinstema’ u tixxandar, ikun rispettat u fuq kollox mħares.
Nistqarr illi kienet iebsa, għal kull min iġib lill-pajjiżu l-ewwel u qabel kollox, illi madwar għoxrin sena wara li, taħt gvern kolonjali fil-bidu tas-snin sittin, il-kelma tal-Partit Laburista kienet assenti mix-xandir fuq ir-Redifusion, il-mezz ewlieni ta’ xandir ewlieni tal-poplu f’dak iż-żmien, tant illi l-partit, permezz ta’ wieħed mis-segwaċi ta’ quddiem tiegħu, kellu jmur ixandar mill-Kajr biex il-kelma tinstema’, il-poplu Malti għadda mill-istess trattament: — din id-darba, iżda, il-poplu kien sovran u ħieles, b’Kostituzzjoni Repubblikana, li fl-ewwel artiklu tagħha, apparti li tiddikjara li Malta hija Repubblika ibbażata fuq ix-xogħol, tiddikjara wkoll illi Malta hija Repubblika li hija ibbażata fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu. U din id-darba mess lil Richard Muscat li jmur barra minn pajjiżna biex il-messaġġ jasal għand il-poplu tagħna.
Filfatt l-istorja kultant tagħmillek minn dawn l-iskerzi, dawn li qishom ikun hemm ċertu similitudni bejn ċertu avvenimenti, mhux f’kollox. Imma l-aktar ħaġa li tolqtok hawnhekk, huwa l-fatt, u ppermettuli nagħmel digressjoni, li bħalma qiegħed jiġri f’Gaza, min kien maħqur flok qiegħed iżomm lura issa qiegħed jaħqar. U dak li ġara f’dak is-snin kellu xamma minn din il-ħaġa, li min suppost kien imġarrab ma kellux iġarrab lil ħaddieħor. Din nemminha bis-sħiħ.
Irridu nkunu fidili veru lejn l-istorja ta’ pajjiżna, partikularment nemmen li jkun aħjar għall-poplu tagħna jekk inkunu ffukati illi l-iżvilupp soċjali u politiku, u l-evolviment tad-drittijiet soċjali, ċivili u politiċi, illi ġew bis-sagrifiċċji ta’ wħud, aktar minn oħrajn, nissalvagwardjawhom. U dan huwa importanti sabiex kemm jista’ jkun, ntejbu dak li għandna mingħajr bżonn ta’ kruċjati li jħallu ċarċir ta’ demm, dmugħ u kultant b’dispjaċir ngħid, kultant jispiċċaw jiżirgħu anke s-semm. Irridu nkunu viġilanti biex dawk it-toroq ma naqbduhomx.
Iż-żmien li Richard qatta’ fi Sqallija biex jagħti servizz ta’ komunikazzjoni bir-radju, huwa xhieda tal-apprezzament li Richard kellu lejn il-libertajiet fundamentali, l-apprezzament li huwa kien iħoss li għandu jkun hemm l-libertà li jitħaddnu fehmiet mingħajr indħil, libertà li jirċievi ideat u tagħrif mingħajr indħil, u wkoll il-libertà li jikkomunika bl-aktar mod liberu il-messaġġ tiegħu. Dan immotivah mhux biss biex iwassal il-messaġġ tal-partit Nazzjonalista, iżda wkoll, li jkun militanti f’dan ir-rigward.
Lil Richard Muscat sirt nafu mill-qrib u personalment fil-leġislatura ta’ bejn l-1996 u l-1998, meta kien Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni, u anke’ kien hemm okkażjonijiet meta konna f’delegazzjoni waħda fuq xogħol parlamentari barra minn Malta.
Sibt bniedem sinċier u onest, fabbli, fuq kollox ta’ konvinzjoni u konsistenza, kwalitajiet li jekk qabel kont qed nissponihom mill-bogħod, issa stajt immisshom mill-viċin, anke minħabba ċertu diskussjonijiet li kultant kellna.
B’din il-ġabra, nistgħu nimbarkaw fuq vjaġġ ma’ Richard Muscat minn episodju għall-ieħor tul ħajtu, napprezzaw il-ġentlomerija u l-ġentilezza, fuq kollox, l-umiltà li hemm preżenti fil-karattru tiegħu, u toħroġ ukoll mill-kitba tiegħu.
Richard, nawguralek saħħa u sliem, u li tgawdi lil dawk li tħobb u li jħobbuk, u j’Alla nkompli narak fl-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista, għax b’hekk inkun naf li inti tħossok f’saħħtek u tajjeb.